Aktar aġġornamenti dwar De Ligt

Iż-żjara ta’ Salihamidzic ilbieraħ f’Turin kienet waħda qasira u inkonklużiva. Milli nafu ma kienx hemm laqgħa formali bejn Salihamidzic u d-diriġenti ta’ Juventus. Kien hemm biss kuntatt informali, li hu t-tieni wieħed wara dak tal-ġimgħa li għaddiet fil-belt ta’ Milan. L-ewwel offerta ta’ Bayern hi ta’ 60 miljun (xi wħud qed isostnu li offrew 65 miljun) flimkien ma’ 8-10 miljuni f’bonuses. Il-Bianconeri jixtiequ jbigħuh għal 100 miljun komplessivament, somma li però s’issa la Bayern u lanqas Chelsea ma resqu lejha. Fl-istess ħin, però, hu ovvju li Juventus ma jridux jgħaġġlu bil-għan li jdaħħu kemm jistgħu minn fuq il-bejgħ ta’ De Ligt. Realistikament bħalissa l-aktar probabbli hu li jinstab ftehim ma’ xi klabb fuq bażi ta’ 80 miljun (il-parti fissa), ma’ liema somma jiżdiedu xi bonuses oħra. Intant qed ikun irrapurtat li De Ligt għarraf lil Juventus li hu jrid jingħaqad ma’ Bayern. Issa jmiss li Bayern u Juventus ikomplu jiddiskutu bejniethom sabiex jintlaħaq ftehim. Li hu ċert hu li Juventus ma jridux tpartit ta’ plejers. Minflok jippreferu somma cash biss ħalli jkunu jistgħu jinvestuha fl-akkwsit ta’ sostitut jew sostituti għall-Olandiż. L-ismijiet nafuhom: Bremer, Koulibaly, Milenkovic, Gabriel, Pau Torres u Kimpembe.

Matthew Scerri