Allegri jiċħad li kellu battibekk ma’ Dybala

Fis-sigħat li għaddew artiklu tal-Gazzetta dello Sport qanqal ħafna kurżità hekk kif ġie rrapurtat li lbieraħ Allegri kellu battibekk ma’ Dybala. Allegatament Dybala mar fuq Allegri u f’isem sħabu talbu jibdel il-pjanijiet għall-ġurnata tal-lum. Dejjem skont La Gazzetta dello Sport Allegri ħa għalih li saritlu dit-talba u hu kkwotat li qal: “Paulo, proprju int qed issaqsini?”. Milli jidher il-plejers riedu ftit tal-ħin liberu għal-lum is-Sibt, filwaqt li Allegri ordna li l-plejers jibqgħu flimkien wara t-training tas-Sibt filgħodu u ma jmorrux id-dar. Is-soltu l-plejers jittrenjaw is-Sibt filgħodu u wara jmorru d-dar sabiex jerġgħu jiltaqgħu filgħaxija għar-ritiro ta’ lejlet il-partita.

L-aħbar ġiet miċħuda minn Allegri fil-konferenza tal-aħbarijiet lejlet il-partita kontra Salernitana. Hu spjega li mhu veru xejn li kien hemm xi tip ta’ battibekk. Sostna li l-plejers ressqulu t-talba tagħhom u hu qal le għax il-partita kontra Salernitana hi waħda delikata u allura jagħmel iktar sens li l-plejers jibqgħu flimkien lejlet il-partita ħalli jirrilissaw u jistrieħu.

Matthew Scerri