Arrivabene jgħid tiegħu dwar Pogba, De Ligt u Dybala

Maurizio Arrivabene ta intervista esklussiva lil Tuttosport fejn tkellem fit-tul dwar is-suq tat-trasferimenti ta’ Juventus. B’mod partikolari hu kellu l-opportunità li jagħti l-verżjoni tiegħu dwar Pogba, Dybala u De Ligt.

Skont Arrivabene, Juventus jinsabu f’taħdidiet ma’ Pogba u l-affarijiet sejrin tajjeb ferm. Dwar Dybala spjega li hu veru li kien hemm offerta ta’ erba’ snin lill-plejer (iċ-ċifra ma semmihiex), liema offerta kienet ġiet mgħoddija lill-aġent tal-plejer. Madankollu, imbagħad, Juventus għamlu kunsiderazzjonijiet ulterjuri li wassluhom biex iwaqqgħu dik l-offerta. Fakkar li f’Jannar l-affarijiet inbidlu drastikament wara li nkiseb Vlahovic.

Id-diriġent Juventin kellu l-opportunità li jitkellem dwar l-għidut li għandu x’jaqsam ma’ De Ligt. Fi kliem Arrivabene, illum hu impossibli li l-klabb iżomm plejer kontra r-rieda tiegħu. Tenna li fil-futbol tal-lum il-plejers jagħmlu biss dak li jgħidulhom l-aġenti. Skontu, f’sitwazzjonijiet bħal dawn hu importanti li t-tliet partijiet iqumu minn mal-mejda tat-taħdidiet kuntenti. Fi kliem ieħor irid jinstab ftehim li jkun konvenjenti għax-xerrej, għall-bejjiegħ u għall-plejer innifsu.

Matthew Scerri