Arrivabene jikkonferma li Juventus għażlu li ma jġeddux il-kuntratt ta’ Dybala

Maurizio Arrivabene kkonferma li l-kuntratt ta’ Dybala mhux se jkun imġedded. Hu spjega li d-deċiżjoni ttieħdet għax filwaqt li Juventus japprezzaw il-bravura tal-Arġentin, il-parametri ekonomiċi bejn il-partijiet kienu different. Skontu f’Jannar, bil-wasla ta’ Vlahovic, il-proġett tattiku ta’ Juventus inbidel. Barra minn hekk Juventus kellhom jikkunsidraw anki n-numru ta’ partiti, it-tul tal-kuntratt u l-aspett ekonomiku marbut mal-kuntratt.

Interessanti fuq kollox li Arrivabene stqarr: “Il-laqgħa tal-lum kienet waħda amikevoli u tkellimna b’mod ċar u b’rispett. Għal Juventus kien ikun faċli li nressqu offerta iktar baxxa lil Dybala imma hekk konna nkunu qed nonqsu mir-rispett fil-konfront ta’ Dybala.” Dal kliem juri biċ-ċar li Juventus għażlu li jwaqqfu kull negozjat mal-aġent ta’ Dybala peress li ħadu d-deċiżjoni li jħallu lill-Arġentin jitlaq. “Id-deċiżjoni ttieħdet. Ħsibna ħafna dwarha u wasalna għal din id-deċiżjoni. Bil-wasla ta’ Vlahovic f’Jannar inbidlet il-pożizzjoni ta’ Dybala li ma baqax fiċ-ċentru tal-proġett u għaldaqstant ippreferejna nieħu dit-tip ta’ deċiżjoni” stqarr Arrivabene u allura finalment, iktar milli kellna sitwazzjoni fejn l-aġent irrifjuta l-offerta li saritlu, kienu Juventus li għażlu li jħallu lil Dybala jmur ma’ tim ieħor. Tant hu hekk li ma ressqulu ebda offerta ġdida.

Matthew Scerri