Calciomercato mill-passat. L-akkwist ta’ Pietro Anastasi

Fix-xhur tas-sajf il-Calciomercato letteralment jiddomina x-xena sportiva. Nixtiequ nibdew serje ta’ artikli dwar xi akkwisti ċelebri li saru fil-passat. Se nibdew din is-serje b’Pietro Anastasi.

Kien l-1968 u l-kampjonat intemm kmieni ħafna minħabba l-Euro. It-timijiet tas-Serie A għaldaqstant bdew jorganizzaw diversi partiti ta’ ħbiberija. Fit-18 ta’ mejju f’San Siro, Inter lagħbu kontra Roma. In-Nerazzurri kellhom magħhom b’self mingħand Varese lil Pietro Anastasi.
Kollox kien jindika li Inter kellhom ftehim ma’ Varese biex jixtru lil Anastasi għas-sena ta’ wara. L-affarijiet però marru b’mod differenti minħabba rabtiet kummerċjali. Fil-fatt il-President ta’ Varese kien Borghu, sid il-kumpanija Ignis. Dik il-ħabta l-Ignis kellhom bżonn ammont kbir ta’ kumpressuri peress li l-affarijiet kienu sejrin tajjeb ferm għalihom u kellhom żidiet kbar fil-bejgħ. Il-President ta’ Juventus, Vittore Catella kien jaf dan u offrilu l-kumpressuri tal-FIAT bi prezz favorevoli. Għal dan il-pjaċir, Juventus kisbu lil Anastasi minkejja li Varese kellhom ftehim ma’ Inter.

Matthew Scerri