Ceferin ikompli jparla fil-vojt

Der Spiegal qed jirrapurtaw li Alexandr Ceferin stqarr dan li ġej: “Min se jibqa’ involut fis-Super League, fil-futur mhux se jkun jista’ jilgħab fil-kompetizzjonijiet tal-Uefa. Il-kompetizzjonijiet tagħna se jibqgħu fantastiċi anki mingħajr dawn l-erba’ timijiet. Nistgħu ngħidu li jekk xi ħadd irid jibqa’ egoist, jista’ jipprova jagħmel mill-ġdid is-Super League. Diġà ppruvaw u fallew!”

Ir-riferiment hu ovvjament għal Juventus, Real Madrid, Barcellona u Milan li s’issa għadhom ma telqux mis-Super League. Tajjeb infakkru li hemm kuntratt iffirmat u hemm penali li trid titħallas minn min se jitlaq mis-Super League. Skont rapporti mhux uffiċjali, il-penali tammonta għal 300 miljun. Hi kemm hi l-penali, hi tal-mistħija li Ceferin qed jitkellem b’dal-mod. Hu qed jiddefendi l-interessi tiegħu personali u ta’ sħabu, u qed jiġi jaqa’ u jqum mis-supporters. Ngħid għalija Ceferin u sħabu jistgħu jagħmlu l-isbaħ kompetizzjoni, biss jekk mhux se jkun hemm Juventus, għalija dik il-kompetizzjoni se tkun qisha ma teżistix. Jien supporter Juventin u se nibqa’ nsegwi lil Juventus kulfejn se jilagħbu bħalma fl-2006 ma ddejjaqtx insegwi lil Juventus fis-Serie B!

Matthew Scerri