Chelsea jinsistu b’saħħa għal De Ligt

Sorsi qrib il-klabb Juventin qed jikkonfermaw li bejn illum u għada Chelsea għandhom jiltaqgħu ma’ Juventus. Il-partijiet se jiddiskutu diversi plejers. Ovvjament l-‘piatto forte’ ma jistax jonqos li jkun De Ligt. Chelsea jriduh b’saħħa, għalkemm nafu li hemm interess min-naħa tagħhom anki f’Skriniar. Ir-rieda ta’ Juventus hi li jilħqu ftehim ma’ De Ligt biex jiffirma kuntratt ġdid għax iriduh ikun il-kolonna tad-difiża tagħhom u fl-istess ħin ma jridux jirriskjaw li jitilfu b’xejn sentejn oħra meta jintemmlu l-kuntratt attwali. Bħas-soltu se tkun ir-rieda tal-plejer li se tiddetermina l-futur tiegħu. De Ligt dan l-aħħar donnu bidel fehemtu u m’għadux daqshekk konvint li jibqa’ ma’ Juventus kif kien qed jistqarr sa ftit tal-ġimgħat ilu. Interessanti li dil-bidla min-naħa ta’ De Ligt waslet eżatt malli l-klabb ta’ Chelsea bidel is-sid tiegħu. Jekk hu se jkun irid jitlaq, Juventus mhux se jġegħluh jibqa’ għalkemm se jkunu qed jinsistu li titħallas il-penali ta’ 120 miljun Ewro biex hu jinħall mill-kuntratt. Probabbli, però, li jekk Chelsea joffru somma bejn 80 u 100 miljun, Juventus xorta waħda jkunu se jaċċettaw għax wara dis-sena l-prezz tiegħu jitbaxxa u jkun hemm riskju tassew kbir li jitlaq b’xejn żewġt isjuf oħra.

Matthew Scerri