Deffsu anki lil Cherubini fl-istorja tal-eżami ta’ Suarez

Ir-Rettur tal-Università Statale ta’ Perugia, Maurizio Olivieri hu l-persuna li kienet ikkuntattjata minn uffiċċjali ta’ Juventus (li allegatament hu Cherubini). Fit-telefonata Olivieri ġie mistoqsi jekk l-Università tiegħu tagħmilx l-eżami B1 meħtieġ għaċ-ċittadinanza ta’ Suarez. Hu wieġeb li l-Università Statale ma torganizzax dawn l-eżamijiet u għamel kuntatt mal-Università per Stranieri ta’ Perugia li regolarment ikollha sessjonijiet ta’ dawn l-eżamijiet. L-Università per Stranieri għandha bħala Direttur Ġenerali lil Simone Olivieri (li ma jiġix mir-Rettur tal-Università Statale). Ir-Rettur tal-Università per Stranieri f’telefonata minn lil Simone Olivieri allegatament jgħid: “Taf li għandi relazzjoni tajba mad-diriġenza ta’ Juventus. Irridu ngħinu lill-attakkant tagħna.” Fi stqarrija, Maurizio Olivieri spjega li hu tkellem ma’ Paratici għal ftit sekondi biss wara li sar l-eżami. Kienet telefonata ta’ korteżija li matulha Paratici rringrazzja lil Olivieri peress li Suarez ħassu tassew milqugħ tajjeb fil-ħin qasir li qatta’ jagħmel l-eżami.

Nagħlqu billi nfakkru li Juventus għalissa mhix tiġi investigata. Sar magħruf li l-avukati Maria Turco u Luigi Chiappero (qrib ħafna ta’ Juventus) issejħu fil-Procura biex jagħtu x-xhieda tagħhom hekk kif assistew lill-avukati ta’ Suarez fil-ewwel parti tal-proċess għall-ksib taċ-ċittadinanza Taljana min-naħa tal-attakkant Urugwajan.

Matthew Scerri