Di Maria ma jeskludix li jibqa’ ma’ Juventus għal iktar minn sena

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet ta’ preżentazzjoni tiegħu, Angel Di Maria sostna li hemm possibbiltà li jibqa’ ma’ Juventus għal iktar minn sena waħda. Qabelxejn hu stqarr li jħossu onorat li l-iktar klabb importanti tal-Italja, il-Juventus, stennewh għal 40 jum. Hu spjega li dam ma ta risposta lil Juventus peress li xtaq iqatta’ perjodu trankwill mal-familja. Dwar il-possibbilità li jibqa’ għal iktar minn sena, Di Maria wieġeb: “Fil-futbol kollox jinbidel malajr u qatt ma tista’ teskludi xejn. Minn qalbi ngħid li Juventus ittrattawni tajjeb ferm s’issa. Għalissa se nikkunċentra fuq dis-sena biss. Imbagħad naħsibha sew iktar tard.” L-espressjoni ta’ wiċċ Di Maria waqt li qal dal-kliem tixhed ċar li Di Maria hu verament kuntent ma’ Juventus u li mhu veru xejn li hu moħħu biss li jmur lura l-Arġentina wara t-Tazza tad-Dinja.

Matthew Scerri