Evviva l-injoranza!

Ħarġu aktar dettalji dwar il-każ tal-pożittività għall-Covid-19 min-naħa ta’ De Laurentis u għal darb’oħra kellna l-konferma taċ-ċarlataniżmu li jirrenja fost il-Presidenti tas-Serie A. Fil-fatt De Laurentis kellu s-sintomi u għamel it-test qabel il-laqgħa tal-Lega tas-Serie A anki jekk ir-riżultat kien għadu ma ħariġx. Minkejja li ħassu ma jiflaħx, hu mar xorta waħda għall-imsemmija laqgħa u allegatament beda jgħid lill-persuni l-oħra li kien qed iħossu ħażin minħabba li kiel wisq frott tal-baħar. Hemm ritratti tiegħu jasal għal-laqgħa fejn lanqas biss kien liebes il-maskra (ara ritratt hawn fuq). Hemm filmati fejn juru li lanqas felaħ joħroġ mill-karozza tant kien magħdur. Issa grazzi għall-aġir irresponsabbli tiegħu kulmin attenda l-laqgħa, li kienu prinċipalment Presidenti tal-klabbs tas-Serie A, jinsabu kollha f’iżolament u jridu jagħmlu t-test. Dan hu l-istess bniedem li ftit tas-snin ilu għamel teatrin minħabba li l-poloz tal-kampjonat, skontu, ġew ħażin għal Napoli. Dan hu l-istess bniedem li ħassar Napoli-Juventus bl-iskuża tal-maltemp meta kien hemm ix-xita f’Napli, sempliċiment għax il-plejers kienu għajjiena wara partita kontra Bayern Munich. Dan hu l-bniedem li jixba’ jgħajjar u jimla ras is-supporters ta’ Napoli li nsterqulhom il-kampjonati. Ma kienx kapaċi jiddelega lil ħaddieħor li jirrappreżenta lil Napoli fil-laqgħa tal-Lega? Possibbli hu biss ma jafx li l-awtoritajiet tal-dinja kollha ilhom jagħtu l-parir li min iħossu ma jiflaħx ma jersaqx lejn nies oħra? Il-veru jmissu jistħi! Żgur li Napoli u l-futbol Taljan jixirqilhom ferm aħjar minn hekk!!

Matthew Scerri