Ftit ħsibijiet dwar il-konferenza stampa ta’ Allegri

Il-bieraħ il-kowċ il-ġdid taghna Max Allegri ta l-ewwel konferenza stampa minn meta ġie maħtur bħala l-kowċ il-ġdid tal-Juventus. Ħadt gost nerġa nammira d-doni komunikattivi ta’ Max hekk kif beda jirrispondi b’mod naturali għall-aħħar il-mistoqsijiiet imressqa mill-ġurnalisti preżenti. Tkellem fuq diversi aspetti nteressanti – Ronaldo, Dybala, u fl-aħħar imma mhux l-anqas it-tweġiba li saret ‘viral’ waqt il-ġurnata tal-llum fost is-supporters Juventini dwar dik l-imbierka faxxa ta’ captain meta ma’ jkunx hemm Chiellini. Allegri b’mod ċar għażel lil Dybala bħala viċi captain. Meta l-ġurnalisti semmewlu l-Bonuċċi bħala possibilita għal viċi captain, għamlet naqra ħoss il-frażi “jekk irid, Bonucci imur jixtri faxxa u jilgħab futbol fil-pjazza”. Waqt diskussjonijiet qosra li kelli ma’ ħbieb tiegħi Juventini ħarġet predominanti l-idea li Max Allegri qed jibbaża fuq il-players ta’ l-ikbar esperjenza bħal Ronaldo, Chiellini u Bonucci biex jghaddu l-valuri Juventini lil players żgħar. Għaddew ukoll messaġġi ndiretti lil Ronaldo u lil Dybala. Minn Ronaldo, Max Allegri qed jistenna li jitfa l-esperjenza kbira tiegħu iktar għas-servizz ta l-iskwadra. Fuq Dybala qed jistenna li jkollu player aktar deċiżiv, wara li Max Allegri qal fuqu li ġie lura u sab raġel mhux tifel. Fl-opinjoni tiegħi, hawn ried jgħidlu li għalkemm Dybala għandu potenzjal tekniku enormi, hemm bżonn li jkun aktar deċiżiv b’kontinwita’ fil-logħbiet diffiċli.


Li għogbitni fuq Max Allegri hi l-pożittivita’ li biha jitkellem fuq l-iskwadra – din xi drabi konna narawha nieqsa minn kowċ bħal Antonio Conte li għalkemm kien kowċ importantissimu, spiss kien iħobb jieħu l-mertu hu nnifsu, milli juri apprezzament lejn l-iskwadra. Allegri qal frażi li baqatli f’mohhi u ddefinixxa ir-rwol ta’ kowċ bl-aħjar mod possibbli – dik li hu qieghed hemm biex itejjeb l-iskwadra u fl-istess ħin jambixxi lejn it-targets u l-mentalita’ tal-klabb.

L-ewwel konferenza ta’ Max hallietli sensazzjoni tajba. Nawgura pero’ li tissaħħaħlu l-iskwadra b’ritokki mmirati fuq is-suq ta’ trasferimenti, li sa issa kien pjuttost fjakk. Nittamaw li jirnexxielna niehdu players ta’ kwalita’ bħal Locatelli, kif ukoll players bżonnjużi oħra li jilgħabu f’pożizzjonijiet oħra tal-pitch.


Massimo Grioli