Ftit ħsibijiet dwar il-mument attwali tal-iskwadra

Aħna il-Juventini qed ngħixu staġun ftit miġnun din is-sena. Qed naraw performances tajbin fl-Ewropa u oħrajn mhux daqshekk tajbin fil-kampjonat Taljan. Jekk wieħed kellu jagħżel żgur li jieħu pjaċir li forsi hemm motivazzjonijiet akbar biex nirbħu fl-Ewropa ikkumparat ma li terbaħ fl-Italja fejn domna nirrenjaw għal 9 snin sħaħ. Biss importanti ħafna wkoll tmur tajjeb fil-kampjonat anki biex ma’ tinqatax lura mill-ewwel 4 postijiet li jsarrfu fil-kwalifikazzjoni fiċ-Champions League li imiss ta’ staġun ieħor. Wara li rajt iż-żewġ logħbiet kemm ta’ nhar it-Tlieta kif ukoll tal-bieraħ, innutajt li hemm feroċja ikbar meta qed nilgħabu fiċ-Champions League u fil-fatt imlewni b’xeba kuraġġ nhar it-Tlieta fejn l-iskor seta’ faċilment kien ikbar mill-4-2 li rajna. Fl-aħħar żewġ logħbiet ta’ qabel il-bieraħ (maż-Zenit u fit-telfa sfortunata mal-Verona) rajna l-Dybala jispikka b’mossi tekniċi sbieħ, xuttijiet fil-lasta, assists tajbin u anki bil-grinta ġusta. Il-bieraħ deher li ma kienx fl-aqwa tiegħu daqshekk u erġajna ma konniex effettivi quddiem il-lasta kif konna fil-logħba ta’ qabel ħlief ghall-aħħar 15 il-minuta, fejn spikkat partikolarment il-potenza u grinta ta’ Federico Chiesa. Il-bieraħ wasslet rebħa u 3 punti mportantissimi meta tikkunsidra li ma lagħabniex daqshekk tajjeb u wieħed jispera li dawn it-3 punti faddalnihom għal meta verament it-tim isib il-kwadratura tiegħu u nibdew inkunu iktar konsistenti fil-wirjiet kemm fl-Ewropa (fadal naqra biex naslu għall-logħob kompetittiv minħabba li kwalifikajna 2 logħbiet qabel ghat-tieni round) kif ukoll fl-Italja.


Nagħmel ftit punti żgħar qabel nagħlaq. Il-posittiv hu li forsi qed nerġgħu naraw il-Mc Kennie iżid fil-prestazzjonijiet tiegħu u il-bieraħ flimkien ma’ Locatelli vera ssieltu f’nofs il-grawnd! Wieħed ma jistax ma jikkumentax fuq il-ġest tekniku ta’ Cuadrado li wassal għall-gowl ta’ rebħa – wieħed mill-gowls tipiċi tiegħu fejn jgħaddi l-ballun minn toqba ta’ labbra! Wieħed ukoll għanu jsemmi l-impenn ta’ Chiesa, speċjalment fl-aħħar kwarta logħob bl-iskor magħluq u għamel minn kollox biex jiżblokka ir-riżultat u anke mar viċin ħafna, b’lasta sfortunata! L-aħħar punt li forsi jista jkun ftit kontroversjali huwa fuq Morata. Jien vera affezzjonat mall-persunaġġ Morata biss pero’ anki minn diskussjoniet ma’ ħbieb Juventini qed tiżdied iċ-ċertezza li mhuwiex ic-centreforward li tista tibbaża fuqu klabb bħall-Juventus b’ambizzjonijiet kbar ta’ rebħ. Ma jistax ikollok centreforward li jiskurja f’logħba u f’5 oħra ma jarax il-lasta!! Nittama u nkun kuntent li l-istess Morata jikseb ftit kontinwita’ fil-gowls skurjati għax hemm bżonn dejjem ikollok centreforward li kif jgħidu it-Taljani, tajjeb li ‘la butta dentro!’ u jkun konkret quddiem il-lasta.


Il-Ħadd it-tajjeb lil kulħadd