Furino. L-ewwel persunaġġ Juventin li qatt żar il-Club tagħna!

Se nieħdu silta oħra mill-ktieb “Iswed u Abjad” biex infakkru meta Giuseppe Furino kien żar il-Club tagħna:

Iż-żjara ta’ Beppe Furino

Sa mill-ewwel mumenti tal-ħajja tal-klabb il-membri kienu dejjem jitolbu lill-Kumitat li jaqtgħu x-xewqa tagħhom li jiltaqgħu f’pajjiżna mal-persunaġġi l-kbar tal-istorja Bianconera. Din il-ħolma saret realtà f’Lulju tal-1980, eżattament fis-sena li matulha kien qed jiġi ċelebrat il-ħames anniversarju mit-twaqqif tal-klabb. Dakinhar, fuq stedina tal-Kumitat, kien ġie Malta l-captain ta’ Juventus, Beppe Furino. Fil-memorja ta’ dawk kollha li għexuha, dik tibqa’ okkażjoni kbira u li ma tintesa qatt, l-aktar għaliex Furino kien personalità mill-aktar importanti għall-partitarji ta’ Juventus.

Furino kien l-ewwel persunaġġ Juventin li aċċetta l-istedina tal-Kumitat u kemm dam fostna kien milqugħ bil-kbir, tant li baqa’ impressjonat bil-laqgħa li kellu f’Malta, u lura f’Turin kellu kliem ta’ tifħir għall-organizzazzjoni kbira tal-Juventus Club (Malta).

Ferm impressjonanti u organizzata b’mod eċċellenti kienet l-ikla ad unur Beppe Furino li saret f’waħda mil-lukandi ewlenin ta’ pajjiżna nhar il-5 ta’ Lulju u li fiha l-captain Juventin, wara li rringrazzja lil kulħadd għall-ospitalità kbira murija lejh u lejn il-familja tiegħu fil-ftit jiem fostna, irregala l-flokk Iswed u Abjad lill-President Tony Dimech.

Biż-żjara ta’ Furino jingħalqu l-ewwel ħames snin tal-klabb. Snin li raw lill-klabb jikber b’mod impressjonanti minkejja d-diffikultajiet ta’ dawk iż-żminijiet. Kien jidher ċar li l-klabb il-ġdid kien inbena fuq bażi aktar soda minn dik tas-Snin Sittin u li kien se jkollu ħajja twila u glorjuża b’kisbiet importanti kemm fix-xena lokali, kif ukoll fir-relazzjonijiet ma’ barra minn Malta.