Hemm bżonn nixtru jekk irridu nsalvaw l-istaġun

Hemm bżonn nixtru għax inkella mhux se nilħqu l-miri għal dan l-istaġun. Naħseb li din hi l-opinjoni tal-maġġor parti tal-Juventini. Ninsabu f’nofs sena u dak li rajna s’issa ftit li xejn jista’ jagħmilna kuntenti. It-tim wera li mhuwiex kompetittiv biżżejjed kif ħafna minna bassarna fis-sajf. It-tim hu mibni ħażin u f’diversi okkażjonijiet wera fraġilità tattika, teknika u mentali. F’dan l-istadju r-raba’ post jidher li hu l-uniku objettiv reali għat-tim ta’ Allegri għax, ngħiduha kif inhi, fl-Ewropa hemm timijiet tant qawwija li hu kważi impossibbli li nimmaġinaw li Juventus jistgħu qatt ikollhom iċ-ċans li jirbħu l-kompetizzjoni dis-sena. Ir-raba’ post fl-Italja, li jfisser li anki s-sena d-dieħla Juventus jilagħbu fiċ-Champions League, fl-istadju attwali jidher li se jkun diffiċli ferm li jintlaħaq mit-tm ta’ Allegri. Inter, Milan, Napoli u Atalanta wrew fil-grawnd li qegħdin ħafna aħjar minn Juventus. Allegri issa tilef lil Chiesa għall-kumplament tal-istaġun. Ramsey hu fuori rosa. Alegri għandu plejers li ilhom jiddeludu (Rabiot, Arthur, Kulusevski, Kean u bella kumpanija). In-nofs il-grawnd Juventin għadu fjakk immens. L-attakk hu sterili wisq. Jekk mhux se jaslu tnejn-tliet plejers ġodda, nemmen li anki r-raba’ post mhux se jkun possibbli li jintlaħaq minn Juventus. Nifhem li s-sitwazzjoni finanzjarja hi li hi. Nifhem li f’Jannar ma tantx jiċċaqilqu plejers ta’ kalibru. Nifhem dan kollu imma hemm bżonn li ssir xi ħaġa. Diriġenti ta’ stoffa jafu jilħqu ftehim għal plejers b’self bl-obbligu li jixtraw fis-sajf jew iktar ‘il quddiem. Nistgħu nippruvaw niksbu plejers bi tpartit ma’ xi wħud minn tagħna, anki jekk nibqgħu nħallsulhom parti mis-salarju tagħhom kif sar fil-passat. Ma rridux naraw kbir. Ismijiet kbar mhux ġejjin f’Jannar. Però plejers inqas ikkwotati huma possibbli. Ngħiduha kif inhi: bħalissa iktar minn stilel assoluti għandna bżonn attakkant li kapaċi jiskorja bla tlaqlieq. Għandna bżonn midfielder ta’ saħħa. Aktar minn stilel bħalissa hemm bżonn nies li jafu jaqdu lit-tim u li jilagħbu b’qalbhom dejjem (mhux meta jkollhom aptit biss!). Plejers low cost ta’ dat-tip issib kien tfittex. Mhix ħaġa impossibbli!

Matthew Scerri