Id-Direttur tal-ASL ta’ Turin: “Juventus imxew b’mod eżemplari”

Illum reġa’ kien hemm ħafna għidut dwar il-plejers ta’ Juventus li ma baqgħux fl-iżolament ‘fiduciario’ tagħhom. L-aħbar tpinġiet, minn min kellu kull interess li jħammeġ lil Juventus, qishom Juventus ma mxewx mar-regolamenti, daqslikieku kienu t-tim ta’ Napoli. Il-verità hi li Juventus għarrfu lill-ASL ta’ Turin li xi plejers kienu se joħorġu mill-iżolament sabiex jingħaqdu mat-timijiet nazzjonali. Il-plejers inkwistjoni huma Bentacur, Cuadrado, Danilo, Dybala u Ronaldo. Magħhom żdiedu anki Buffon u Demiral li marru d-dar tagħhom. Malli Juventus infurmaw lill-ASL dwar dan, l-ASL mill-ewwel għarrfet lill-Procura ta’ Turin kif kien fid-dmir tagħha. Id-Direttur tal-ASL stqarr illum li l-imġiba ta’ Juventus kienet eżemplari u li issa l-Procura trid tistabilixxi jekk il-plejers imsemmija wettqux reat minħabba li ma stennewx iż-żewġ swab tests ta’ dawn il-jiem qabel setgħu jinħallu mill-iżolament. Tajjeb ngħidu li jekk jinstabu ħatja, il-plejers jistgħu jeħlu multa ta’ 400 Euro kull wieħed.

Matthew Scerri