Ikomplu l-kuntatti ta’ Juventus ma’ diversi attakkanti

Mhu jieqaf xejn l-għidut dwar l-akkwist ta’ attakkant ġdid min-naħa ta’ Juventus. Fl-aħħar sigħat l-ispekulazzjonijiet kienu marbutin l-iktar ma’ tliet plejers li jilagħbu fis-Serie A: Muriel, Mertens u Raspadori. Allegatament Juventus għamlu kuntatti ma’ dawn it-tliet plejers bil-għan li jitkixxfu sew dwar x’possibiltajiet hemm li jiksbuhom.

L-attakkant Kolombjan ta’ Atalanta hu plejer li ilu jissemma. Fil-bidu jidher li Atalanta riedu 20 miljun għalih, biss issa x’aktarx jinsabu disposti jaċċettaw 12-il miljun għalih, somma li jeħtieġu biex jixtru lil Pinamonti.

Mertens, mill-banda l-oħra, hu free agent. Diversi klabbs offrewlu kuntratt u fost dawn hemm anki Juventus. S’issa ma nafux eżattament kemm Juventus offrewlu. Hemm imma indikazzjonijiet li l-offerta Bianconera għal Mertens hi waħda għolja.

Fl-aħħar nett, Raspadori. Sa jumejn ilu kollox kien jindika li Raspadori se jingħaqad ma’ Napoli. Biss ilbieraħ filgħaxija jidher li Juventus għamlu kuntatt mal-aġent tiegħu u ffissaw appuntament ma’ Sassuolo. L-għan ta’ Juventus, dejjem skont dan l-għidut, hu li jaqbżu lil Napoli u jiksbu l-firma tal-attakkant Taljan.

Matthew Scerri