It-tmexxija tal-klabb favorit tagħna sejra lejn direzzjoni tajba?

Il-fatti ta’ dawn l-aħħar żminijiet qed iħalluni ftit skonċertat. Ħa nispjega ruħi aħjar fuq ċerti punti li qed iħasbuni u jinkwetawni ftit. Se nibda billi nitkellem fuq dan it-trasferiment li deher ħabta u sabta ta’ Ronaldo imma fl-opinjoni tiegħi ilu jberren bosta żmien. U jekk dak li qed naħseb jikkorrispondi għal kif ġew l-affarijiet realment, din turi li kien hemm nuqqas kbir ta’ programmazzjoni tad-diriġenza biex tagħmel tajjeb jekk Ronaldo (kif ghamel fil-verita’) jiddeċiedi li jitlaq ħabbta u sabbta. Biex issib replacement ta’ wieħed mill-aħjar 2 plejers fix-xena mondjali ta’ dawn l-aħħar 15 il-sena (hu u Messi) taħsbu realment li tista’ ssibu fi żmien ta’ 4-5 t’ijiem? Jien niddubita ħafna.


Inkompli billi insemmi punti li jinforzawli din l-ideja f’moħħi. U hawn mhux nikkontesta kontra il-ħatra ta’ Max Allegri imma meta tisma bit-tentattivi li nġibu lura il-Pjanic tħassibni mhux ftit li dawn qishom jidhru manuvri biex jikkoreġu zbalji strateġiċi li ttiehdu tul iż-żmien f’dawn l-aħħar snin meta iddecidew iwarrbu minn l-istess inkarigu lil Allegri minn kowċ tat-tim.


Mhux qed togħġobni anqas dan in-nuqqas ta’ kuraġġ li naraw plejers promettenti ħafna bħal Fagioli u Ranocchia meta l-istess Fagioli għadu frisk milli jigi mgħajjat man-Nazzjonal Under 21. Issa mhux kontradizzjoni li ġie magħżul u fl-istess ħin hemm xniegħat ta’ trasferiment b’self f’tim tas-Serie B fil-waqt li s-Sibt li għadda rajna plejer li suppost jilgħab right back u ġie addattat f’nofs il-grawnd – biex ma nsemmux ukoll li plejer li ġie segwit tlett xhur biex jiġi magħna kien wieqaf reserve jistenna biex jidħol? L-istess Locatelli li fl-aħħar kwarta bil-ħila tiegħu irnexxielna nippenetraw ftit fil-kaxxa tal-Empoli u anki pprova konklużjoniijet lejn il-lasta avversarja! Jien għalija dawn l-affarijiet kollha jindikaw li hemm nuqqas ta’ sens ta’ loġistika li fil-passat riċentissimu kienet flagship quality tad-diriġenza tagħna. Se nispiċċaw li l-istess diriġenza li għamlet ħafna ġid f’dan l-aħħar deċennju iħassru kollox b’xogħol ħazin issa? Ma’ tagħmilx sens ghalija jekk jiġri hekk.


Inħalli lilkom taħsbu fuq dawn ir-riflessjonijiet u ma niddejjaq xejn jekk taqsmu il-ħsibijiet taghkom mieghi fuqhom.

Insellmilkom,
Massimo