Il-Mercato Juventin

Żgur ħadd ma basar li konna ha nkunu daqshekk impenjati f’dan is-suq ta’ trasferimenti għal kuntrarju tal-aħħar snin fejn is-soċjeta’ qatt ma ħadmet b’mod konkret fis-suq ta’ Jannar. Nistgħu nghidu li l-qofol ta’ kollox intlaħaq fl-aħħar gimgħa.

F’dan il-mercato rnexxilna niksbu 3 plejers filwaqt li ġew mneħħija 3 plejers oħra li l-avventura tagħhom mat-tim tagħna spiċċat fit-tmiem. Nibda bl-akkwisti l-ġodda u ma nistax ma nibdiex b’Dusan Vlahovic li sewa madwar 80 miljun ewro. Żgur ħadd ma stenna jew kellu ħjiel li dan se jinġieb proprju f’dan is-suq ta’ trasferimenti. Konna fi bżonn kbir ta’ attakant tal-kaxxa u kien hemm ħafna ghidut li kien se jinġieb xi ħadd b’self li jaqdina sal-aħħar tal-istaġun u mbagħad id-diriġenza tkun tista’ taghmel xogħolha sew fis-sajf pero’ isa antiċapat dak li seta jsir fil-mercato li jmiss. Personalment dan kien il-ħolma tiegħi għal attakk u persważ li bħali kien hawn ħafna. Akkwist ieħor li jien inqisu wkoll importanti kien dak tal-midfielder svizzeru Denis Zakaria mingħand Borussia Monchengladbach li sewa biss 8 miljuni anke ghal fatt li l-kuntratt tiegħu mal-klabb ġermaniż kien se jiskadi f’Ġunju li ġej. Skond ħafna rapporti dan kien rikjesta ta’ Allegri għax ried plejer b’ karatteristiċi fiziċi f’nofs il-grawnd, dipartiment li nittamaw li b’dan il-plejer ikun aħjar għax ilu dgħajjef għal ħafna żmien. L-aħħar plejer li ġie akkwistat kien id-difensur taljan ta’ 23 sena Federico Gatti ta’ Frosinone ghal 10 miljun ewro li se jkun qiegħed jibqa’ mal-istess klabb b’self sal-aħħar tal-istaġun.

Neqleb issa fuq dawk il-plejers li ħallew il-klabb. Dejan Kulusevski u Rodrigo Bentancur ingħaqdu ma’ Tottenham fejn se jerġghu jingħaqdu flimkien ma’ Fabio Paratici. Kulusevski ngħaqad biss b’self ghal 18 -il xahar b’opzjoni li jinxtara ghal 40 miljuni li taf tiġi obbligatorja jekk il-klabb inġliz jilħaq ċertu tragwardi domestiċi u jekk il-plejer jilgħab ċertu ammont ta’logħbiet. Fi ħsieb ta’malajr fuq il-plejer żvediż ngħid li naħseb li nxtara wisq kmieni lura fl-2020 u li hu ma kienx lest biex jagħmel il-qabża minn ma tim żgħir ghal ma tim kbir. Minn naħa l-oħra Bentancur inxtara għal kollox ghas-somma ta’ 25 miljun ewro. L-urugwajan naħseb li bħala riserva kien jaqdina tajjeb pero la waslet offerta tajba ghaliħ qbilt li jitneħħa.

Fl-aħħar mhux l-inqas Aaron Ramsey inghaqad b’self ma’ Rangers b’opzjoni li jinxtara. Radu Dragusin ingħaqad b’self ma’ Salernitana wara li qatta l-ewwel parti tal-istagun b’self ma’ Sampdoria.
Beda jissemma li Kaio Jorge setgha jingħaqad ma’ Cagliari fejn dan kien se jiġi mpartat mal-midfielder Naithan Nandez pero’ jidher li l-kowċ Max Allegri ma kienx konvint minnu.

Nghalaq billi nagħti l-mertu lil Cherubini u lil Arrivabene li għalkemm kien hemm ħafna min kien xettiku fuqhom għamlu mill-aħjar biex isaħħu l-iskwadra minkejja l-limitazzjonijiet finanzjarji li ghaddej minnu l-klabb, l’ aumento di capitale ta’ 400 miljun li seħħ fis-sajf li għadda lagħab biċċa xogħol kbira f’dan kollu. Issa sta ghal Allegri li jagħmel l-aħjar użu possibli minn dak li għandu għad-dispozizzjoni tiegħu. Ninsab Fiduċjuż.

Forza Juve