Inkjesta dwar allegati irregolaritajiet b’rabta mal-eżami ta’ Suarez

Infetħet inkjesta dwar allegati irregolaritajiet marbutin mal-eżami tat-Taljan li għamel Luis Suarez fl-Università per Stranieroi ta’ Perugia. L-akkuża hi li Suarez kien jaf minn qabel x’se jaqsuh waqt l-eżami, kif ukoll il-marka kienet assenjata lilu qabel għamel l-eżami.

Qabelxejn infakkru li Suarez għamel dan l-eżami għax talab li jingħata ċ-ċittadinanza Taljana. It-trasferiment tiegħu ma’ Juventus ma setax iseħħ mingħajr ma hu jkollu passaport Taljan. Fis-Serie A hemm limitu fuq kemm klabb jista’ jirreġistra plejers extra-komunitarji u Juventus kienu laħqu dan il-limitu bl-akkwist ta’ McKennie. M’hemmx limitu fuq reġistrazzjoni ta’ plejers komunitarji u allura Suarez seta’ jkun akkwistat biss jekk iġib iċ-ċittadinanza Taljana. Hu kellu dritt għaliha minħabba li martu hi ċittadina Taljana. Hawn tajjeb ngħidu li, skont Il Fatto Quotidiano, fi Spanja min ikun miżżewweġ ma’ ċittadini komunitarju awtomatikament ikollu status ta’ komunitarju hu wkoll. Fl-Italja mhux hekk u mill-2018 ‘l hawn min jitlob iċ-ċittadinanza b’rabta maż-żwieġ irid jgħaddi minn eżami tat-Taljan.

L-eżami inkwistjoni hu fil-livell B1. Hu eżami kemxejn tqil (ħarira itqal mill-O Levels li nagħmlu hawn Malta f’termini ta’ kontenut għalkemm l-eżami nnifsu jkun inqas demanding) u żgur mhuwiex possibbli li wieħed jgħaddi mingħajr żmien twil ta’ tagħlim. Għaldaqstant mill-ewwel dehret stramba li Suarez għadda mill-eżami la hu qatt ma studja t-Taljan. Barra minn hekk l-eżami normalment jieħu madwar sagħtejn u għoxrin minuta, mentri Suarez lestieh f’erbgħin minuta.

L-inkjesta li semmejna qabel twieldet ftit b’kumbinazzjoni. Il-Procura ta’ Perugia kienet qed tindaga fuq xi allegati irregolaritajiet fl-Università u min xi telefonati ttippjati, irriżulta li persuni mill-Università ta’ Perugia kienu qed jiftehmu minn qabel li Suarez kellu jgħaddi akkost ta’ kollox anki jekk kelli problemi kbar jiitkellem b’mod korrett (pereżempju ma jafx jaħdem il-verbi). Il-Guardia di Finanza qed tindaga fuq dawn l-allegati irregolaritajiet.

Wara li ħarġet l-aħbar tkellem uffiċċjal tal-Guardia di Finanza, Selvaggio Sarri li kkonferma Juventus mhumiex indagati b’rabta ma’ dal-każ. Fi kliemu l-eżami sar għax Juventus kienu intenzjonati jiffirmaw lil Suarez u kellu bżonn il-passaport Taljan. Qal anki li ma saret ebda pressjoni esterna jiġifieri Juventus m’għamlux pressjoni mal-Università biex Suarez jgħaddi żgur. Li ġara, skont l-informazzjoni miġbura s’issa, kien li nies mill-Università ta’ Perugia ħadu l-inizjattiva waħidhom għax ħassew li persunaġġ tal-kalibru ta’ Suarez ma setax jeħel mill-eżami.

Matthew Scerri