Juventus iridu jbigħu qabel jixtru aktar plejers f’nofs il-grawnd

F’nofs il-grawnd Juventus mistennija jagħmlu minn tal-inqas akkwist ieħor. Qed jissemma b’saħħa Paredes fil-pożizzjoni ta’ playmaker. Qabel isir dan l-akkwist, Juventus iridu però qabelxejn ibigħu peress li bħalissa fit-tim Juventin hemm wisq plejers li jilagħbu f’nofs il-grawnd. L-uniċi ċerti li se jżommu posthom ma’ Juventus huma Pogba u Locatelli. McKennie, Zakaria u Rabiot, probabbli jibqgħu, għalkemm jekk tasal offerta tajba, Juventus lesti jbigħuhom. Ramsey u Arthur, mill-banda l-oħra, mhumiex parti mill-pjanijiet ta’ Juventus. Ramsey jinsab f’negozjati ma’ Juventus biex jittermina l-kuntratt tiegħu, filwaqt li hemm it-tama li Arthur jkun misluf (Arsenal). Imbagħad hemm it-tlieta żgħar – Rovella, Fagioli u Miretti – li s’issa mhux magħruf x’se jsir minnhom. Kollox jindika li wieħed mit-tlieta biss se jibqa’ ma’ Juventus, għalkemm il-preseason jaf jibdel il-pjanijiet ta’ Juventus. La darba Juventus ikunu neħħew plejer jew plejers fit-tim tagħhom, ikunu jistgħu jgħaddu għal aktar akkwisti.

Matthew Scerri