Juventus-Locatelli. Forsi resqin lejn ftehim

Juventus u Sassuolo għadhom ma jistgħux jsibu ftehim bejniethom dwar it-trasferiment ta’ Manuel Locatelli. Ninsabu ġimgħa ‘l bogħod mill-bidu tal-kampjonat u s’issa Allegri għad m’għandu l-ebda plejer ġdid f’nofs il-grawnd. Nafu li Juventus huma mftehma ma’ Locatelli imma Sassuolo għadhom jaraw kbir u qed ikomplu jitolbu ħafna iktar minn dak li qed joffru Juventus. Il-Bianconeri qed joffru madwar 35 miljun Ewro filwaqt li Sassuolo baqgħu jinsistu li jridu 45 miljun, ċifra li tidher irrealistika immens fiż-żminijiet li ninsabu fihom. Issa l-gazzetti tal-lum qed jirrapurtaw li Sassuolo lesti jaċċettaw l-offerta ta’ 35 miljun, biss issa jonqos li jkunu maqbula d-dettalji tal-ftehim: kemm se jkun imħallas is-self u jekk hux se jkun hemm l-obbligu għal Juventus li jixtruh għal kollox.

Matthew Scerri