Juventus-Napoli. Ebda deċiżjoni s’issa

Għadha ma ttieħdet ebda deċiżjoni dwar il-partita Juventus-Napoli. L-għidut tal-ġurnata kien li l-inkjesta tal-FIGC tista’ twassal biex Napoli jitilfu xi punti fil-klassifika biss ma tingħatax rebħa walkover lil Juventus. Jekk verament dan ikun hekk, allura jkun ifisser li Juventus-Napoli jkollha tintlagħab darb’oħra u qed tissemma d-data tat-13 ta’ Jannar, erbat ijiem qabel il-big match kontra Inter. Kif dejjem għidna din il-kwistjoni hi kumplessa ferm. Li hu ċert hu li jekk dak li ġie rrapurtat illum hu minnu, allura verament il-futbol Taljan ikun qed jerġa’ jaqa’ għar-ridikolu. La hemm regola u Napoli jinstabu ħatja li kisru dir-regola, għandhom jeħlu l-piena li r-regolament stess jikkontempla għall-ksur ta’ din ir-regola, jiġifieri telfa walkover. M’aħniex kontra li l-partita terġa’ tintlagħab għax aħna nħobbu nirbħu fil-grawnd, imma lanqas nistgħu naċċettaw minn jgħaddina minn għajn il-labra. Il-kwistjoni hi sempliċi: Napoli kellhom jew ma kellhomx dritt ma jmorrux Turin. Jekk kellhom dritt, hu sewwa u xieraq li l-partita terġa’ tintlagħab. Jekk ma kellhomx dritt, allura jridu jingħataw telfa walkover kif jitlob ir-regolament. Kull deċiżjoni oħra tkun biss buffunata!

Matthew Scerri