Juventus qed jagħżlu li ma jġeddux il-kuntratt ta’ Dybala?

Juventus u Paulo Dybala jidhru dejjem imbegħdin minn xulxin. Dil-ġimgħa Juventus kellhom ikollhom laqgħa mal-aġent Jorge Antun, biss id-diriġenza Bianconera allegatament ħassret il-laqgħa u mexxietha għal wara l-partita kontra Villareal. F’dan l-istadju kollox qisu qed jindika li Juventus ma jridux iġeddu l-kuntratt ta’ Dybala. Nafu li ftit qabel il-Milied Dybala kien lest jaċċetta l-proposta ta’ Juventus. Imbagħad, però, Juventus bidlu fehemthom u baxxew l-offerta tagħhom. Ovvjament Dybala ħa għalih. Issa dak li nqala’ dil-ġimgħa qed jidher bħala konferma oħra ta’ kemm Juventus huma xettiċi li jġeddu l-kuntratt ta’ Dybala. L-Arġentin qed ikollu wisq injuries u Juventus qed ikollhom jgħaddu mingħajru parti kbira mill-istaġun. Barra minn hekk qed jissemma li l-Bianconeri f’dan l-istadju qed jippreferu jixtru lil Raspadori minflok iġeddu l-kuntratt ta’ Dybala. Dwar il-kontribut ta’ Dybala lit-tim ma tantx hemm wisq x’tgħid għax l-affarijiet qegħdin quddiem għajnejn kulħadd. Il-kwistjoni kollha tibqa’, però, kemm hi għaqlija l-għażla ta’ Juventus li jitilfu b’xejn lil Dybala tliet xhur oħra.
Matthew Scerri