Khedira jkompli jirrifjuta l-proposti mressqa lilu minn Juventus

It-tmiem tal-esperjenza ta’ Sami Khedira ma’ Juventus tidher li se tkun tassew qarsa hekk kif qed ikompli jwebbes rasu u qed jitlob l-paga sħiħa ta’ dis-sena (6 miljuni) u l-flus li għadhom dovuti lilhom mis-sena li għaddiet skont il-ftehim stipulat minħabba l-emerġenza tal-Covid-19. Juventus offrewlu somma flus biex hu jaċċetta li jxolji l-kuntratt, biss ma laqax l-offerta u kompla jinsisti li jrid il-flus li semmejna qabel. F’dan l-istadju hu tassew diffiċli li wieħed ibassar x’se jiġri. Li hu ċert hu li Khedira se jkompli jidher ikrah f’għajnejn is-supporters. Hu veru li kulħadd irid jitħallas skont il-kuntratt, imma hu veru wkoll li l-plejers mhumiex ħaddiema normali u li l-pagi tagħhom huma fenomenali. Wara snin taqla’ l-miljuni, l-irġulija tgħidlek li għandek taċċetta ftehim mill-klabb tiegħek anki jekk tkun se titlef xi miljuni. Fuq kollox Khedira mhux se jsibha bi tqila jsib klabb Amerikan jew Ċiniż li joffrilu paga miljunarja wara li jxolji l-kuntratt ma’ Juventus. Kif qed jiżvolġu l-affarijiet, Khedira qed jidher tassew ikrah u qed jonqos mir-rispett lejn il-klabb li baqa’ jemmen fih minkejja li qatta’ dejjem żminijiet kbar barra b’injury.

Matthew Scerri