Kollox wieqaf!

Jekk wieħed jara l-lista tax-xiri uffiċjali tal-klabbs l-aktar importanti tas-Serie A, isib li apparti Milan li ħadu lil Maignan, l-ebda klabb s’issa għadu ma xtara lill-ebda plejer. Kollox jinsab wieqaf minħabba l-kriżi tassew qawwija li laqtet lill-klabbs minħabba l-Covid. L-impressjoni hi li dis-sena l-klabbs se jkunu qed ibigħu aktar milli jixtru biex jeħilsu mill-pagi għoljin ta’ xi plejers u fl-istess ħin inaqqsu l-ispejjeż tagħhom. Il-bejgħ mhux se jkun faċli minħabba li b’mod ġenerali fid-dinja kollha kulħadd qed ikun prudenti fl-infiq. Jekk nieħdu l-każ ta’ Juventus, żgur li se jkun kważi impossibbli li jeħilsu minn plejers bħal Szczesny, Bernardeschi u Ramsey li għandhom pagi fenomenali. Probabbli l-uniku mod biex dal-plejers jitilqu hu li huma jaċċettaw (ħaġa diffiċilissima imma!) li titnaqqsilhom il-paga ma’ klabb ieħor. Nemmnu li jekk ma jkunx hemm bejgħ ta’ plejers, probabbli mhux se jkun hemm akkwisti ġodda. Fi kliem ieħor irridu x’aktarx nistennew li dis-sena ma tantx ikun hemm ċaqliq ta’ plejers.

Matthew Scerri