Kulħadd għandu jerfa’ r-responsabbiltajiet tiegħu!

It-telfa tal-bieraħ kontra Barcellona kompliet tqanqal dibattitu sħiħ dwar il-qawwa reali tat-tim Juventin u kif kien mistenni Pirlo spiċċa fil-mira ta’ kritika. Żgur li f’dad-dibattitu hemm bħal dejjem supporters ottimisti li jemmnu li l-affarijiet se jinbidlu ma jdumux, kif ukoll hemm oħrajn li huma iktar xettiċi. Hemm min hu rrabjat u min jemmen li Pirlo jrid jingħata ċ-ċans jgħaqqad lit-tim.

Jekk nippruvaw niflu l-ewwel partiti li rajna s’issa, naħseb li m’hemmx dubju li ma nistgħux inkunu sodisfatt. Lgħabna ħażin kważi dejjem, bl-eċċezjoni tal-partiti kontra Sampdoria u Dynamo Kiev fejn konna tajbin. Ma naħsibx tkun negattiv jekk tgħid li kif jinsabu l-affarijiet bħalissa hu diffiċli ferm li wieħed jista’ verament jaħseb li Juventus huma kompetittivi fl-Italja u fl-Ewropa. Hu veru li hemm diversi plejers ta’ klassi barra u hu veru wkoll li hemm talenti żgħażagħ li jridu ż-żmien biex jimmatura u jilħqu livell għoli fil-wirjiet tagħhom. Hu veru li Pirlo ma tantx kellu partiti għad-dispożizzjoni tiegħu biex jibni lit-tim. Imma hu veru wkoll li bħalissa ninsabu ferm ‘il bogħod mill-Juventus li xtaqna naraw. S’issa kważi dejjem rajna tim bla ideat, li jsofri l-pressjoni tal-avversarji (anki avversarji modesti ferm bħal Crotone!) u li ħafna drabi jrid jagħmel sforz biex isalva r-riżultat.

Nibqa’ tal-idea li jekk l-affarijiet mhux se jinbidlu malajr, Pirlo verament se jkun qed jirriskja li jitlef postu. Ma naħibx li l-fatt li m’għandux esperjenza tista’ tkun alibi biex nkomplu niddefenduh. Lil hinn mill-ħafna paroli sbieħ li qalu, fil-grawnd rajna ftit li xejn. L-ideat ta’ logħob hu jrid jittrażmettihom lit-tim u s’issa ma rajniex ideat ta’ logħob. Kulma rajna kien tim konfuż, żbilanċat, b’difiża miftuħa beraħ, b’midfield mhux ta’ livell, b’full-back jew plejers mal-linja li ftit li xejn jirnexxilhom jagħmlu d-differenza fil-grawnd. Qed inkomplu għaddejjin grazzi għall-individwalità tal-plejers l-aktar rappreżentattivi tat-tim. Pirlo għandu sehem kbir f’dan kollu. Finalment hu xogħlu li jsolvi dal-problemi. L-impressjoni li qed ikollna, imma, hi li minn partita għall-oħra t-tim qed jibqa’ jirrepeti l-istess żbalji u dan hu inaċċettabbli. Għalhekk probabbli li Pirlo, bir-raġun, se jkollu jħallas ħares għal dis-sitwazzjoni.

Tajjeb li mwessgħu d-diskors anki għal fuq il-plejers u d-diriġenza. It-tim Juventin għat-tielet sena konsekuttiva qed juri l-istess difetti u onestament, apparti l-kwistjonijiet tattiċi, Pirlo m’għandux tort fihom. Ilna snin bla full-backs (ma ninsewx li Cuadrado hu winger fil-verità). Ilna snin b’midfielder fjakk (kellhom jinxtraw stilel minn tal-inqas tliet snin ilu … jiġifieri aħjar ma noqogħdux insemmu l-kriżi tal-Covid-19 biex niġġustifikaw dawn in-nuqqasijiet fit-tim). Ilna snin bi plejers bħal Bernardeschi li ma jagħtux il-kontribut mistenni lilhom lit-tim. Nistgħu nibqgħu nsemmu d-diskors tas-soltu u ma nieqfu qatt. Dat-tim kellu jiġi mibdul wara l-Finali ta’ Cardiff. Dik il-ħabta kellu jitlaq Allegri u miegħu ħafna plejers. Minflok id-diriġenza baqgħet tgħaffeġ u minflok ammettiet l-iżbalji tagħha baqgħet tikkuntenta li tirbaħ il-kampjonati mqanżħin tal-aħħar sentejn. Tassew hi ħasra kbira. Ftit tal-ġimgħa oħra Pirlo jaf ikollu jħallas anki ta’ responsabbilitajiet mhux tiegħu. Nisperaw li jekk xejn dan l-istaġun iġib miegħu doża ta’ umiltà biex kulħadd, minn Agnelli sa Pinsoglio, jagħraf jerfa’ r-responsabbilitajiet tiegħu!

Matthew Scerri