L-aħbarijiet mis-suq tat-trasferimenti (26 ta’ Ġunju)

Is-sajf hu żmien il-calciomercato u huma tassew bosta l-aħbarijiet marbutin mas-suq tat-trasferimenti Juventin bħalissa. Fi ħdan it-tim Juventin mistennija jkun hemm bidliet kbar u għaldaqstant ma jistax jonoqs li l-aħbarijiet huma tassew numerużi.

De Ligt
Fl-aħħar jiem kien hemm bosta għidut li Chelsea lesti jagħmlu minn kollox biex jixtru lil De Ligt mingħand Juventus. Allegatament l-ewwel offerta tagħhom kienet ta’ 40 miljun Ewro flimkien mat-trasferiment ta’ Werner ma’ Juventus. Id-diriġenza Bianconera lesta tisma’ biss offerti cash għal De Ligt mingħajr bdil ta’ plejers. F’każ li jitlaq De Ligt, is-sostitut tiegħu ma’ Juventus x’aktarx ikun wieħed bejn Koulibaly (Napoli), Gabriel (Arsenal), Igor jew Milenkovic (Fiorentina).

Zaniolo
Qed jingħad li Nicolò Zaniolo għarraf lil Roma li mhuwiex intenzjonati jiffirma kuntratt ġdid magħhom. Fl-istess ħin hu ma jridx imur jilgħab barra mill-Italja. Juventus u Milan huma l-klabbs li jriduh fl-Italja. Il-Bianconeri qed joffru lil Roma tpartit ma’ Arthur (flimkien ma’ somma flus) jew inkella b’self għal sena mħallas 10 miljuni bl-obbligu li jixtruh għal kollox is-sena d-dieħla.

Pellegrini
Plejer li kważi ċertament se jitlaq lil Juventus das-sajf hu Luca Pellegrini. West Ham u Fulham avviċinaw lil Juventus u wrew interess li jixtruh. Fl-Italja hemm Monza li jriduh.

Kostic
Ilna ħafna nisimgħu li Juventus għandhom f’idejhom lil Filip Kostic. Allegatament hemm qbil bejn il-partijiet kollha konċernati biex Kostic jingħaqad ma’ Juventus għal 15-il miljun Ewro. Il-plejer mistenni jiffirma kuntratt ta’ tliet snin, bil-possibbiltà ta’ sena oħra kuntratt ukoll, b’paga ta’ 2.5 miljun Ewro. L-aħbar għadha mhix uffiċjali.

Mandragora
Ftehim ieħor li qed jingħata bħala wieħed maqbul u definittiv hu dak bejn Juventus u Fiorentina għal Mandragora. It-tim ta’ Comisso se jkun qed iħallas ftit inqas minn 10 miljuni biex jikseb is-servizzi ta’ Mandragora.

Ramsey
Suleyman Hurman, li hu l-President ta’ KAragumruk, ikkonferma li t-tim tiegħu kien jinsab f’negozjati ma’ Ramsey, biss wara numru ta’ laqgħat it-tim Tork qata’ qalbu li jista’ jilħaq ftehim mal-midfielder minn Wales.

Cambiaso
Jidhru li jinsabu fi stadju avvanzat ferm it-taħdidiet bejn Jvuentus u Genoa għal Andrea Cambiaso. Juventus lesti jixtruh għal madwar 10 miljuni, biss ma jridux li jħallsu s-somma kollha cash. Huma qed jipproponu lil Genoa li jieħdu lil Dragusin fil-ftehim u milli jidher Genoa huma interessati.

Matthew Scerri