L-aħħar ftit tal-era Pirlo

Il-futur ta’ Andrea Pirlo jidher tassew imdendel b’xagħra. Ilna iktar minn xahar naqraw li l-partita li jmiss jaf tkun l-aħħar waħda tiegħu bħala kowċ ta’ Juventus. Anki dwar Udinese-Juventus qed jingħad l-istess: f’każ ta’ telfa Pirlo jista’ jitkeċċa u jinħatar Tudor minfloku. X’se jiġri ma nafux. Li hu ċert hu li Pirlo mhux se jkun il-kowċ ta’ Juventus is-sena d-dieħla. Anki jekk Juventus jidħlu Champions League, Pirlo mhux se jibqa’ jmexxi lit-tim Juventin. Dil-ġimgħa ibnu stess stqarr li xi ‘supporters’ qed jhedduh fuq il-mezzi soċjali. Ovvjament aħna kontra kull forma ta’ theddid, biss din l-aħbar tixhed is-sentiment kontra Pirlo li hemm fost is-supporters. Pirlo ma jistax jibqa’ kowċ ta’ Juventus is-sena d-dieħla għal dak li wera (jew aħjar ngħid li ma weriex fil-grawnd), kif ukoll għan-negattività li tnisslet fi ħdan l-ambjent Juventin. Pirlo beda l-istaġun bil-għan li jirbaħ il-kampjonat u ċ-Champions League bħall-predeċessuri tiegħu. Falla miżerament. Qatt ma rajna xejn speċjali fil-grawnd. Kif ktibt drabi oħra, il-kwisjtoni mhix li ma tistax tirbaħ dejjem. Semmai l-kwistjoni hi li trid tipprova tirbaħ dejjem u l-Juve taħt Pirlo hi biss tim bla ideat, bla personalità, bla grinta, bla xejn. Nittamaw li Pirlo jirnexxilu jwassal lit-tim jikseb post fiċ-Champions League u wara t-tim ikun fdat f’idejn kowċ ta’ esperjenza u ta’ bravura li jkun kapaċi jibni tim li jiġġieled sal-aħħar għar-rebħ ta’ unuri.

Matthew Scerri