L-attenzjoni ddur fuq is-suq tat-trasferimenti. Mistennija bidliet radikali fi ħdan it-tim Juventin

Hekk kif il-kampjonat u l-istaġun waslu fi tmiemhom, l-attenzjoni se ddur għal kollox fuq is-suq tat-trasferimenti. Juventus jidhru li qed jaħdmu bla waqfien biex ikun hemm bidla radikali fi ħdan it-tim. Diversi plejers mistennija jitilqu lil Juventus u minflokhom se jinkisbu plejers oħra. It-tir hu li Allegri jkollu tim iktar kompetittiv b’taħlita ta’ plejers maturi u ta’ esperjenza, flimkien ma’ talenti żgħażagħ.

S’issa nafu li Chiellini għażel li ma jkomplix jilgħab għal Juventus. Dybala u Bernardeschi se jitilqu b’għażla ta’ Juventus li ma ġeddewlhomx il-kuntratti tagħhom. Apparti dawn l-aħbarijiet uffiċjali, smajna ħafna għidut li Juventus ma jridux iżommu iktar lil Kean, Arthur, Alex Sandro, Rugani u Ramsey. Mhux faċli, però, li ssib tim lest joħodhom minħabba l-pagi tagħhom u anki għall-fatt li ġejjin minn wirjiet ferm deludenti. Morata, mill-banda l-oħra, hu plejer li Allegri jixtieq iżomm imma Juventus ma jridux iħallsu l-35 miljun Ewro li skont il-ftehim ta’ sentejn ilu l-Bianconeri għandhom iħallsu biex jixtru lill-iSpanjol għal kollox. L-indikazzjonijiet huma li Juventus se joffru 15-il miljun Ewro lil Atletico Madrid għal Morata, biss l-Ispanjoli għalissa ma jidhrux disposti jinżlu inqas minn 25 miljun.

Mhux ċert il-futur ta’ Rabiot, Pellegrini u McKennie. It-tlieta li huma jistgħu jibqgħu ma’ Juventus anki s-sena d-dieħla, biss jekk tasal offerta tajba għalihom, Juventus x’aktarx ikunu lesti li jbigħuhom. Mhux magħruf anki x’se tkun l-istrateġija ta’ Juventus dwar Rovella, Miretti, Fagioli u Ranocchia. Diffiċli li jibqgħu kollha ma’ Juventus, imma mhux eskluż li xi ħadd minnhom jingħata l-opportunità li jkun parti mit-tim ta’ Allegri.

Niġu issa għall-akkwisti l-ġodda. Qed jissemmew b’saħħa tliet plejers li għandhom il-kuntratt li se jiskadi ftit tal-ġimgħat oħra mat-timijiet rispettivi: Di Maria, Pogba u Perisic. Skont il-gazzetti u l-websites tal-futbol, Di Maria u Pogba diġà aċċettaw l-offerta li saritilhom minn Juventus. S’issa, però, m’hemm ebda firma fuq xi kuntratt u allura mhux eskluż li jista’ jkun hemm xi u-turn mill-plejers inkwistjoni. Perisic ukoll jidher qrib li jingħaqad ma’ Juventus, għalkemm il-partijiet għadhom jiddiskutu d-dettalji tal-ftehim. Fid-difiża qed jissemma bdil bejn Acerbi u Rugani. Barra minn hekk Atalanta x’aktarx mhux se jixtru għal kollox lil Demiral u allura probabbli li Juventus se jkunu jistgħu jżommu flimkien ma’ Gatti li nxtara f’Jannar.

Matthew Scerri