Ma nistgħux nagħlqu għajnejna!

Kulma nqala’ fl-aħħar erbgħa u għoxrin siegħa hu tassew inkredibbli u onestament farsesk. F’sitwazzjonijiet bħal dawn hu normali li kulħadd ikollu opinjoni personali u xi ftit jew wisq ikun hemm diversi interpretazzjonijiet fi ħdan l-istess grupp ta’ supporters. Se nipprova nagħti l-opinjoni tiegħi, li naf li x’aktarx mhux se ssib wisq minnkom li taqblu magħha.

Nibda bielli ntenni dak li ili ġimgħa ngħid: Juventus-Napoli kellha titħassar minħabba r-riskju marbut mal-Covid-19. Fil-fehma tiegħi ma rridux naraw biss iż-żewġ plejers ta’ Napoli li s’issa nstabu pożittivi. L-istampa hi ferm usa’ minn hekk: it-tnejn ta’ Napoli ġew infettati kważi żgur għax ġew f’kuntatt mal-plejers ta’ Genoa (infakkar hemm 22 każ!). Il-biża’ tiegħi dejjem kienet li l-plejers ta’ Napoli setgħu jgħaddu l-virus lill-plejers Juventini u hekk konna nispiċċaw bi tliet timijiet infettati. Nemmen li l-prudenza kienet titlob li Juventus-Napoli titħassar fil-bidu tal-ġimgħa meta kien evidenti li l-każijiet ta’ Genoa ma kinux contained u allura l-imxija tal-virus kienet qed isseħħ b’ritmu mgħaġġel. Nemmen li kieku fil-bidu tal-ġimgħa l-plejers ta’ Napoli twaqqfu milli jittrenjaw, is-sitwazzjoni kienet tkun contained u l-ġimgħa d-dieħla kienu jistghu jirritornaw għat-training u għal-logħob. Ma naħsibx li kellna nagħlqu għajnejna quddiem il-gravità tal-każ ta’ Genoa!

It-tieni punt hu dwar ir-regolamenti li ġew deċiżi. Jien mill-ewwel kont għidt li ma naqbilx magħhom għax il-Covid għallimna li mhumiex tant in-numri in sé li huma inkwetanti, imma kemm is-sitwazzjoni hi contained jew le. Tim jista’ jkollu tlettax-il plejer jew iktar tajbin biex jilagħbu, imma ma jfissirx li dawk il-plejers ma ħadux il-virus mingħand sħabhom. Nafu li t-test jaqbad il-virus biss f’ċertu stadju, u allura għall-fini ta’ prudenza naħseb li kien ikun aħjar li kull sitwazzjoni kienet tkun miflija minn bord ta’ nies esperti tas-settur u nies oħra li m’għandhom ebda rkonnessjoni mal-klabbs tas-Serie A sabiex huma, grazzi għall-għerf tagħhom, jistabilixxu jekk partita tistax tintlagħab jew le mingħajr riskji żejda għall-plejers.

L-aħħar punt, u dan hu wieħed li spiss nagħmel, hu li l-futbol Taljan ma jistax jibqa’ jaqa’ għar-ridikolu quddiem id-dinja kollha b’dal mod. Stupida kemm hi stupida r-regola li ħarġet dil-ġimgħa, irridu nfakkru li din ġiet maqbula mill-Presidenti tas-Serie A. Ir-regoli jsiru biex jiġu segwiti u rispettati. Din l-idea li nies bħal De Laurentis u Lotito mingħalihom jistgħu jagħmlu li jridu trid tinqata’. Il-Lega Calcio u l-FIGC qegħdin hemm biex jagħmlu l-ġid komuni, mhux biss biex iħarsu l-interessi ta’ xi klabbs fuq dawk tal-oħrajn. Jekk verament l-ASL waqqfet li Napoli milli jmorru Turin, kien ikun biżżejjed li jintbagħat id-dokument konċernat lil-Lega u l-partita żgur kienet titħassar. La ma tħassritx sintendi li Napoli ma kellhomx f’idejhom xejn x’juru. Issa minn x’imkien tfaqqas xi ittra żgur u l-Karnival jerġa’ jibda!

Matthew Scerri