Ma nistgħux nibqgħu mdendlin!

Ilna jumejn nistennew li nsiru nafu x’se jkun l-eżitu tad-‘decision day’ ta’ Cristiano Ronaldo. Il-gazzetti u s-siti qed ikomplu jirrapurtaw li jista’ jkun hemm bdil bejn Ronaldo u Icardi. Fil-verità hemm xi ġurnalisti li qed isostnu li Ronaldo mhux se jitlaq minn Turin. Hi x’inhi l-verità, nemmnu li għandna kull dritt li nkunu nafu darba għal dejjem jekk Ronaldo huwiex se jibqa’ ma’ Juventus jew inkella jridx jitlaq. Tkun xi tkun id-deċiżjoni tiegħu, aħna se nirrispettawha imma nitlbuh li jirrispetta lil Juventus ukoll. Irriduh jibqa’, imma jekk irid jitlaq m’aħna se nżommu lil ħadd kontra qalbu. Ma jistax ikun li Juventus u aħna s-supporters nibqgħu mdendlin nistennew li Ronaldo jagħmel ir-riflessjonijiet tiegħu bil-kalma kollha. Jekk jitlaq Juventus iridu jippjanaw l-istaġun b’mod differenti. It-tluq ta’ Ronaldo ma jfissirx li trid issib biss attakkant ieħor minflok. Ifisser li Juventus ikollhom budget differenti f’termini ta’ pagi lill-plejers u b’dak li jkunu qed jiffrankaw minn fuq il-paga ta’ Ronaldo, jaf ikunu jistgħu jinvestuh fi plejer ieħor. Fl-istess ħin, irridu nkunu realistiċi u nammettu li t-tluq ta’ Ronaldo se jkun ifisser dħul inqas għal Juventus minn sponsors u għaldaqstant is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Juventus jaf issir iktar komplessa. Hu fundamentali li Juventus ikunu jafu d-deċiżjoni ta’ Ronaldo malajr kemm jista’ jkun ħalli mod jew ieħor jippjanaw l-istaġun 2021/22. Kif għidna, jalla Ronaldo jibqa’, biss jekk se jitlaq jaqbad jgħidha ħalli l-ġimgħat li ġejjin jintużaw b’mod għaqli.

Matthew Scerri