M’għandniex bżonn paroli fil-vojt!

It-tmiem tal-era Pirlo ġabet magħha ħafna kummenti minn protagonisti Juventini tal-aħħar sena. Ħafna mill-kummenti kienu frankament bla sugu u, apparti Pirlo, ħadd minn dawk li tkellmu ma qata’ figura tajba. Pirlo kien ġentlom sal-aħħar u kellu kliem ta’ ringrazzjament sinċier fil-konfront ta’ Juventus. L-istess ma nistgħux ngħidu għl kliem Bernardeschi, Baronio u Tudor. L-ewwel li tkellem kien Bernardeschili wara l-gowl kontra San Marino qal li mal-Italja għalih hu iktar faċli li jilgħab għax jingħata l-libertà. Issa ngħiduha kif inhi: Bernardeschi kellu tliet kowċis differenti ma’ Juventus u taħt l-ebda wieħed ma bbrilla. Tgħoddhom fuq idejk il-wirjiet vera tajba li kellu. Ħafna drabi kellu wirjiet tal-mistħija u rajnieh jitlef blalen bl-aktar mod stupidu, biex ma nsemmux id-drabi meta tfixkel f’saqajh jew waqa’ fil-ballun. Minn Bernardeschi ma rajna kważi xejn u m’għandux għalfejn jipponta subgħajh lejn Pirlo!

Baronio u Tudor, mill-banda l-oħra kienu kemxejn polemiċi fi kliemhom. Baronio tella’ ritratt qed jifraħ wara gowl ta’ plejer Juventin u kiteb li kien ‘ferħ ġenwin’. Issa , jista’ jkun li feraħ ġenwinament, imma ma naħsibx li kien ħaqqu li jibqa’ ma’ Juventus sempliċiment għal feraħ bil-qalb wara gowl. X’għamel realment Baronio dis-sena? Kemm għen lil Pirlo? Kemm verament kien jagħmel sens li Pirlo jkollu miegħu wieħed bħal Baronio li għadu qed jibda l-karriera, minflok xi ħadd b’iktar esperjenza? U fuq kollox għala dar-ritratt tellgħu issa u mhux meta ġie skurjat dak il-gowl?

Tudor, imbagħad, qal ma jħossx li hu sew li Juventus keċċewhom. Żied li ddeċieda li ma jkun qatt iktar viċi ta’ ebda kowċ ieħor u esprima d-diżappunt tiegħu li Pirlo daħħal lil Baronio fl-istaff tekniku u qiegħdu fuq l-istess livell tiegħu (ta’ Tudor). Anki hawn forsi tajjeb li xi ħadd ifakkar lil Tudor li Juventus huma klabb serju u li jixirqilhom ħafna aħjar minn dak li rajna fl-aħħar staġun. Tim bħal Juventus għandu jimmira li jiġġieled sal-aħħar għar-rebħ ta’ unuri importanti. Il-grawnd urina realtà kompletament differenti. Pirlo u l-istaff tiegħu tneħħew għax fallew il-miri tagħhom (li niġu r-raba’ b’dat-tim, f’ġieħ kemm hemm, mhuwiex riżultat ta’ min jiftaħar bih!). Dwar il-kwistjonijiet interni bejnu u Baronio, naħseb li Tudor kien jagħmel aħjar li kienu żamm ħalqu magħluq. Lilna s-supporters ma jinteressana xejn minn dal-kwisjtoni. Il-lanzit mhu tajjeb għal ħadd u Pirlo ħaqqu li jkollu miegħu professjonijisti serji li jgħinuh. Żgur li Pirlo ma ħaqqux assistenti li jġibu ruħhom b’mod immatur. Aħna s-supporters ħaqqna aħjar minn Baronio, Tudor u Bernardeschi!

Matthew Scerri