Min jista’ jkun il-viċi Vlahovic

Ilna ġimgħat nisimgħu u naqraw ħafna ghidut dwar il-Viċi Vlahovic. Juventus jeħtieġu attakkant ieħor żgur peress li neħħew lil Dybala u Morata, filwaqt li ġie biss plejer wieħed: Di Maria. Fl-iskwadra ta’ Allegri apparti Vlahovic u Di Maria hemm attakkant ieħor biss li hu Kean. Kaio Jorge fadallu barra minħabba injury serju. Pjaca se jitlaq b’self. Imbagħad hemm xi plejers tal-Under 23 (Da Graca, Ake, Soule) li ma jagħtux wisq garanziji. Insomma numerikament Juventus jeħtieġu attakkant ieħor biex ikollhom erba’ attakkant flimkien maż-żgħar tal-Under 23.

Huma diversi l-plejers li ssemmew u qed jissemmew ma’ Juventus. Għal żmien twil sar l-isem ta’ Arnautovic iżda s’issa Bologna qatt ma riedu jitilquh minn idejhom. Arrivabene ċaħad, imbagħad, li Juve jridu lura lil Morata imma ħafna mhux jemmnu, għalkemm biex ngħidu kollox dil-ġimgħa kellna l-aħbar li Atletico għarrfu lil Morata li se jibqa’ magħhom.

Issemmew fl-aħħar jiem Belotti u Mertens li qegħdin bla klabb, biss dan l-għidut ma tantx jidher li hu wieħed ta’ min joqgħod fuqu. L-istess jgħodd għal Depay, Martial, Muriel u Werner għax ma jidhirx li Juventus qatt kellmu l-klabbs rispettivi għalihom.

Plejer li nafu li Juventus tkellmu dwaru mal-klabb rispettiv hu Zaniolo. Roma pero’ qed jitolbu ħafna għalih. Għal xi żmien kien hemm ottimizmu dwar il-possibbilta’ li Zaniolo jingħaqad ma’ Juventus, biss issa li daħlu għalih anki Tottenham, hemm inċertezza sħiħa dwaru.

Fl-aħħar nett fil-jiem li għaddew intqal li Firmini jinsab qrib li jingħaqad ma’ Juventus. Anki f’dal-każ s’issa m’hemm ebda konferma li Juventus ressqu offerta lil Liverpool. Klopp stqarr pubblikament li Firmino hu plejer importanti għal Liverpool. Kliem li jixhed li r-Reds ma tantx huma disposti jbigħu lil Firmino.

Ħafna ismijiet imma s’issa għadu diffiċli li wieħed ibassar min se jkun l-attakkant il-ġdid ta’ Juventus. Nemmnu li xi ħadd jiġi żgur. Li rridu naraw hu jekk Juventus humiex se jmorru verament għal xi ħadd bl-istess karatteristiċi ta’ Vlahovic jew inkella jridux plejer li jilgħab b’mod different (bħalna huma Firmino u Zaniolo).

Matthew Scerri