Mument emozzjonanti f’Villar Perosa

F’Villa Perosa tiġġedded kull sena tradizzjoni li timmarka parti sostanzjali mid-dna Juventin. Qatt ma kienet sempliċi partita ta’ ħbiberija. Fl-antik din kienet tkun l-ewwel ħarġa tal-istaġun. Illum m’għadux hekk u f’din dejjem iktar iddominata mill-flus, f’Villa Perosa xorta, waħda għadna nduqu togħma ta’ futbol iktar ġenwin u pur kif kien fil-passat sa mill-oriġini stess tal-logħba. Fil-partita tal-lum laqatna ritratt li jfisser ħafna. Fir-ritratt naraw lil Bonucci jgħannaq lil Beppe Furino li wara l-problemi ta’ saħħa li kellu jinsab issa fuq siġġu tar-roti. Bonucci tah il-flokk tiegħu, ġest mill-aktar sabiħ. F’dik it-tgħanniqa hemm żewġ captains li taw ħafna lil Juventus. Furino apparti li lagħab għal snin twal ma’ Juventus, wara li rtira kien anki maħtur biex imexxi l-Youths ta’ Juventus bħala manager tas-‘settore giovanile’. Villar Perosa, Furino jafha sew. Li llum kien hemm minkejja l-problemi ta’ saħħa li kellu u li għandu, jixhed kemm verament Furino għandu għal qalbu lil Juventus. U f’dik it-tgħanniqa ta’ Bonucci hemm xi ftit jew wisq l-imħabba u r-rikonoxximent tal-poplu Juventin għal dak kollu li għamel Furino għal Juventus.

Matthew Scerri