Pradè: “Lesti nbigħu lil Vlahovic anki issa. Bibien miftuħin anki għal Juventus”

F’intervista mogħtija lil Sportitalia, id-Direttur tal-Isports ta’ Fiorentina, Daniele Pradè tkellem ċar u tond dwar il-futur ta’ Dusan Vlahovic. Hu tenna mill-ġdid li Fiorentina rċevew diversi offerti tajbin għal Vlahovic biss l-aġenti tal-plejer qatt ma wrew ebda sinjal li jistgħu jilqgħuhom. Żied: “Il-bibien tagħna huma miftuħin. Irridu nkunu nafu xi jrid hu u xi jridu l-aġenti tiegħu. Lesti nitkellmu mill-ġdid dwar it-tiġdid tal-kuntratt tiegħu. Għandna offerti tajbin biex inbigħuh. Qed ngħid dan għax klabb li għandu dħul ta’ 75 miljun Ewro fis-sena u għandu asset li jiswa l-flus, ma jistax jitilfu b’xejn. Il-bibien tagħna huma miftuħin għal kollox.”

Mistoqsi jekk il-bibien humiex miftuħa anki għal Juventus, Pradè wieġeb: “Miftuħin għal kollox. L-aġenti jridu jgħidulna, però, x’inhi r-rieda tagħhom. Il-prezz tiegħu hu ta’ iktar minn 70 miljun, mingħajr bdil ma’ plejers oħra u l-ħlas ma jistax inkun imqassam fuq numru ta’ snin. Dan imponieh il-President. Lesti nbigħuh anki minn issa.”

Matthew Scerri