Profil ta’ plejers mill-passat: Beppe Furino

Imwieled f’Palermo fil-5 ta’ Lulju 1946, Furino jibqa’ magħruf għall-grinta tiegħu fil-grawnd u l-kapaċità li kellu li jibqa’ jiġri u jissielet fil-grawnd għal disgħin minuta sħaħ. Mhux ta’ b’xejn li l-President Boniperti kien jindikah bħala mudell jew aħjar eżempju għall-plejers l-oħra meta kien jgħidilhom: “Tridu tilagħbu bil-qalb bħalma jagħmel hu.”

Fl-1975, meta twaqqaf il-Juventus klabb Malta, Furino kien diġà ilu sena jġorr il-faxxa ta’ captain. Essenzjalment hu baqa’ captain ta’ Juventus sal-1984 meta temm il-karriera tiegħu wara ħmistax-il sena jilbes il-flokk tal-kbar ta’ Juventus. Minn età żgħira, fl-ewwel snin tal-adolexxenza tiegħu, Furino kien jifforma parti mis-settur taż-żgħażagħ ta’ Juventus. Intbagħat għal xi snin intbagħat jimmatura ma’ Savona u ma’ Palermo, sakemm fl-1969 Juventus ħaduh lura magħhom.

Mal-Bianconeri hu kiteb paġni kbar ta’ suċċess u llum jibqa’ magħruf għall-fatt li rebaħ tmien kampjonati fil-karriera tiegħu, rekord assolut għall-futbol Taljan li hu jaqsam ma’ Giovanni Ferrari, Virginio Rosetta, Alessandro Del Piero u Gigi Buffon. Apparti t-tmien kampjonati, Furino rebaħ il-Coppa Italia darbtejn, kif ukoll it-Tazza Uefa (1977) u t-Tazza tat-Tazzi (1984). Dawn kienu l-ewwel unuri ta’ Juventus fix-xena internazzjonali. Lagħab ukoll żewġ finali tat-Tazza taċ-Champions iżda qatt ma rebaħha.

(Silta meħuda mill-ktieb “Iswed u Abjad. L-40 Anniversarju mit-Twaqqif tal-Juventus Club DOC Vero Amore (Malta 1975)” ta’ Manwel Scerri u Matthew Scerri)