Roma-Juventus 2-2

L-ewwel eżami serju ta’ Pirlo mar ħażin ferm għalkemm is-soltu Ronaldo rnexxilu jsalva lit-tim Juventin b’doppjetta li fissret punt mhux wisq mistħoqq. Apparti r-riżultat u l-gowls ta’ Ronaldo ma tantx hemm wisq xi tfaħħar fil-partita tal-Bianconeri. Difensivament kienet l-agħar wirja fl-aħħar għaxar snin. Prattikament kull darba li Roma ppruvaw jaqbżu nofs il-grawnd ġew waħidhom kontra Szczesny. Nofs il-grawnd kien żbilanċjat ferm bil-konsegwenza li d-difiża tħalliet mikxufa wisq u Rabiot spiċċa tkeċċa għax kien f’diffikultà waħdu. Ramsey u Kulusevski ppruvaw joħolqu imma ftit li xejn kienu effikaċi. Morata, imbagħad, għadu jrid jidra sew lil sħabu l-ġodda. Kollox ma’ kollox kien hemm ħafna, wisq, taħwid tattiku min-naħa ta’ Pirlo (bidel is-sistema meta s’issa t-tim kien sejjer tajjeb; bidel il-pożizzjoni ta’ Cuadrado u Ramsey; qed ikomplu jinsisti bi plejers barra minn posthom tipo Danilo minn full-back sar difensur ċentrali jew Cuadrado, l-aqwa full-back lemini fis-sena li għaddiet, kellu llejla jilgħab kontra siequ mal-linja l-oħra), Nispera li l-lezzjoni tal-lum ħadha u li jagħraf isewwi l-iżbalji tiegħu stess. Fl-istess ħin nittamaw li Paratici jagħtih il-plejers li huma meħtieġa f’dat-tim: full-back u midfielder ta’ kwalità, flimkien ma’ attakkant ċentrali tal-kaxxa.

ROMA-JUVENTUS 2-2

Skurjaw: 2 Veretout (1 pen.) (R), 2 Ronaldo (1 pen.) (J)

Roma (3-4-2-1): Mirante; Mancini, Ibanez, Kumbulla; Santon (Peres), Veretout, Pellegrini (Diawara), Spinazzola; Mkhitaryan, Pedro; Dzeko. Kowċ: Fonseca.

Juventus (4-4-2): Szczesny; Danilo, Bonucci, Chiellini, Cuadrado; Kulusevski (Frabotta), McKennie (Arthur), Rabiot, Ramsey (Bentancur); Morata (Douglas Costa), Ronaldo. Kowċ: Pirlo.

Referee: Di Bello.

Karti sofor: Kumbulla (R), Pellegrini (R), Frabotta (J).

Karta ħamra: Rabiot (J)

Matthew Scerri