Rovella ma’ Juventus jekk jitlaq Arthur jew Ramsey

L-aktar akkwist probabbli għal Juventus f’Jannar hu dak ta’ Nicolò Rovella. Il-midfielder Taljan hu diġà plejer ta’ Juventus imma baqa’ b’self ma’ Genoa għal sena u nofs. Is-self jasal fi tmiemu fis-sajf biss Juventus jidhru disposti li jikkuntattjaw lil Genoa sabiex Rovella jingħaqad mat-tim ta’ Allegri b’mod immedjat. Fil-fatt Juventus jistgħu jbigħu lil Ramsey u/jew Arthur u għaldaqstant jeħtieġu plejer f’nofs il-grawnd. Issemmew Zakaria u Bruno Guimaraes, iżda t-tnejn li huma diffiċli biex jinkisbu hekk kif hemm konkorrenza qawwija għal Zakaria filwaqt li O.Lyon qed jitolbu 50 miljun għal Guimaraes. It-trasferiment ta’ Rovella hu iktar fattibbli. F’dan l-istaġun hu kellu wirjiet tajba u Juventus jemmnu li hu matur biżżejjed biex jagħti sehmu fin-nofs il-grawnd tagħhom.

Matthew Scerri