Se jkun innegozjat mill-ġdid il-ftehim għas-self ta’ Morata

Diversi rapporti li qed jidhru fil-gazzetti Taljani qed isostnu li Juventus lesti jġeddu s-self ta’ Alvaro Morata biss biħsiebhom jinnegozjaw mill-ġdid il-ftehim ma’ Atletico Madrid. Fis-sajf li għadda l-klabbs laħqu ftehim li dis-sena Juventus jistgħu jixtru lil Morata għal kollox jew inkella jġeddu s-self billi jħallsu 10 miljuni oħra. F’dan l-istadju hu impossibbli li Juventus jixtru għal kollox lil Morata minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja u għaldaqstant se jġeddu s-self tiegħu. Is-somma ta’ 10 miljuni, wara li diġà kienu tħallsu 10 miljuni oħra sena ilu għas-self f’dan l-istaġun, hi meqjusa għolja. Juventus mistennija jkellmu lil Atletico Madrid u se joffrulu 5 miljuni minflok 10 miljuni għas-self fl-2021/22.

Matthew Scerri