Se nirrankaw?

Roller coaster. Hekk niddeskrivi l-istaġun ta Juventus s’issa. Wara bidu deludenti ta punt mill-ewwel 3 logħbiet, it-tim isu beda jirranka xi ftit b’7 rebħiet minn 8. Rebħiet kontra Roma u Chelsea prinċiparjament qawwew qalb is-sapporters. Iżda fatt kurjuż huwa li wara r-rebħa kontra Zenit ġor-Russja fl-20 t’Ottubru, erġajna waqajna fi slump oħra kif jgħidu l-Ingliżi u irreġistrajna punt wiħed biss fi 3 rawnds ta serie A. F’dan l-artiklu se nagħti l-oppinjonijiet tiegħi dwar dak li rajt s’issa u nipprova nispjega r-raġunijiet għal dan li semmejna mill-lenti tiegħi.

Tattiki U Deċiżjonijiet Dubjużi

Ikolli nistqarr li ċerti deċiżjonijiet li ħa Max Allegri dan l-aħħar ma tantx ogħġbuni u qisu dan is-sentiment naqsmu ma Juventini oħra Maltin kif ukoll barra minn xtutna (wieħed kull ma jrid jagħmel huwa jaqra paġni barranin biex jinduna b’dan). Deċiżjoni prinċipali hija l-għażla ta Morata bħala prima punta meta dan kien (jew għadu għaddej) minn forma ħażina. Tgħiduli bħalissa hemm Kean inweġġa. U vera. Pero sa 3 ġimgħat jew xahar ilu dan ma kienx il-każ u Alvaro baqa jibda minkejja l-forma frustranti li kien fiha. Forma li jew ħabba kunfidenza baxxa jew inkella nuqqas ta attenzjoni kienet qed twassal biex il-plejer jagħmel żbalji fil-passing jew xuttijiet minn pożizzjoni tajba. Wieħed jistaqsi għalfejn reġa inġab Kean lura b’klawżola reċissorja ta 40,000,000 ewro meta dan deher biss ftit minuti minn fuq il-bank tas-sostituti.

Fattur ieħor frustranti li qed insib din is-sena huwa li Allegri jkompli jinsisti li jilgħab bil-formazzjoni ta 4-4-2 u jkollu jaddatta plejers bħal Rabiot u McKennie mal-linja xellugija. Dan ovvjament jirriżulta f’attakki kontinwi fuq dik in-naħa tal-grawnd. Avversarji jieħdu vantaġġ mill-fatt li dawn imsemmija m’humiex wingers naturali u vantaġġ ukoll mill-fatt li Alex Sandro naqqas mhux ħażin. U dan iġibni għat-tieni punt.

L-iskwadra u l-kowċ

Il-punt dwar il-plejers available għall-kowċ dis-sena. Irridu nammettu li kulħadd qed jinduna li ċerti plejers ma kellhomx jinżammu jew inkella ma jmisshomx qed jilagħbu l-ammont ta logħob li lagħbu s’issa. Għalija personali nirreferi l-iżjed għal Alex Sandro (beda tajjeb pero qed nerġgħu naraw logħob fqir mingħandu), Morata (ma kellux staġun diżastruż pero dis-sena qed ikollu wirjiet deludenti) u Ramsey (din is-sena bilkemm lagħab u diġa kellu injury). Dawn il-plejers kollha għandna sostituti denji tagħhom u għalhekk nispiċċa nemmen li jilgħabu biss għax hemm pressjoni indiretta mid-diriġenza fuq paga li tiġi riflessa f’kemm plejer jilgħab matul l-istaġun.

Jew hekk, jew il-kowċ ma jafdax il-plejers jew inkella lanqas Allegri stess ma jaf x’ha jaqbad jagħmel. Ma nemminx li dan huwa l-każ, biss ċertu ħsibijiet wieħed jgħaddu minn moħħu meta tara plejer bħal Sandro jilgħab meta hemm Pellegrini lest biex jibda. L-istess għall-Morata meta kien hemm Kaio Jorge u Kean it-tnejn li huma available. Wieħed bilfors iħokk rasu meta jara hekk. Punt kurjuż ieħor huwa li Max għandu wingers available pero bħal ma semmejna fuq jippreferi jilgħab ċentrali fuq in-naħa tax-xellug. Mela ma jeżistux plejers bħal Pellegrini, Kulusevski, Cuadrado u Danilo?

Forsi mhux kollha naturalment plejers xellugin pero żgur li jafu il-logħba u l-irwol tal-ġenb iżjed minn żewg plejers purament ċentrali. Tara dawn id-deċiżjonijiet u tistaqsi xi jkun qed jiġri waqt it-taħriġ u wara kwinti biex nibqaw naraw dawn l-episodji.

X’hemm bżonn jiġri?

  1. Jekk il-kowċ tilef jew inkella qatt ma kellu fiduċja f’ċerti plejers hemm bżonn li tittieħed deċiżjoni dwarhom u jekk hemm bżonn jaslu plejers tal-fiduċja tal-kowċ. Ma jistax ikun li jibqaw jilgħabu plejers f’forma ħażina għas-sempliċi raġuni li Allegri m’għandux fiduċja fis-sostituti tagħhom. Id-diriġenza trid tpoġġi mal-kowċ u jifhmu eżatt xi jrid il-kowċ biex nilħqu l-objettivi tal-istaġun qabel ikun tard wisq.

2. Trid tinbidel l-atitudni ta ċerti plejers. Grinta, passjoni, ħdura sportiva u kattiverja sportiva huma l-ingredjenti li jwassluk għar-rebħ. Pressjoni l’fuq u possession football huwa l-mod kif il-football modern jintlgħab. Pero bla ballun hemm bżonn li t-tim jagħraf jiddefendi u jagħmel moħħu hemm. Kontra Zenit nhar it-tlieta li għadda wasal it-tieni goal tagħhom minħabba nuqqas ta konċentrazzjoni għal ftit mumenti. Min jaf kieku konna wieħed biss minn fuq?

3. Hemm bżonn investiment fi plejer ċentrali ta kalibru li jagħti spinta lit-tim fuq l-attakk. Għalkemm Locatelli qed jagħmel xogħol tajjeb biex jivvertikaliżża l-logħob, waħdu mhux se jagħmel kollox u mhux se jasal. Għalhekk rridu personalita fin-nofs li kapaċi tirbaħ ballun, iżżommu, tavvanza u tiġbed it-tim magħha f’kull mument tal-partita. Fl-aħħar nett hemm bżonn punt ta referenza fil-kaxxa. Morata qed jipprova jkun din l-influwenza pero ma jidirx li l-logħba tiegħu qed taqbel ma tat-tim u għalhekk rridu ponta fiss fil-kaxxa bħal ma kellna fi żmien Trezeguet, Mandzukic, Higuain, etc.

Konklużjoni

Nemmen li dawn il-fatturi li semmejt hawn fuq u iżjed hemm bżonn li jiġu indirizzati mill-iktar fis biex it-tim verament jirranka dan l-istaġun. Għax fuq kollox, hemm BŻONN IL-KONSISTENZA. Ma ninsewx li ftit ta snin ilu wara bidu deludenti bħal ta dis-sena, konsistenza u dixxiplina wassluna għal scudetto ieħor. Jekk it-tim huwiex kapaċi jirreplika dak li għamel ftit snin ilu, wieħed jistenna u jara. Minn naħa tiegħi jien nemmen li t-talent qiegħed hemm u li bi ftit tibdil fl-atitudni u dixxiplina għandna fejn navvanzaw sew u jkollna staġun memorabbli. Dejjem wara t-tim, jiġri x’jiġri!

Grazzi!