Staġun 2021-22 – is-sena zero għar-rifondazzjoni?

Waqt din il-ġimgħa kollha, kien hemm ħafna ħjiel li qed jakkumula li din taf tkun verament sena fejn il-Juventus qed taħseb serjament għar-rifondazzjoni totali biex twassal għal rikostruzzjoni ta’ skwadra vinċenti u li sservi fit-tul taż-żmien. Fid-diriġenza daħal Maurizio Arrivabene li, kif qed jingħad minn diversi sorsi, qiegħed speċifikament hemm biex iservi ta’ tutor finanzjarju biex jiġi limitat l-infiq tal-klabb. Huwa ppjanat li din il-miżura, flimkien ma’ żieda fl-introjti li tista iġġib magħha il-ftuħ parzjali għall-partitarji fl-istadium fl-era post Covid, twassal għal qagħda finanzjarja aħjar. Milli qrajt ukoll waqt il-ġurnata tal-llum, jekk dan jiġi konfermat b’fatti, inkun vera kuntent – hemm tama li terġa tinbena l-iskwadra fuq qafas ta’ plejers Taljani u miżjuda b’akkwisti mmirati ta’ plejers barranin. Is-sena d-dieħla se jiskadu il-kuntratti ta’ Bernadeschi, De Sciglio, Perin u Morata – li bil-pagi tagħhom jekk il-kuntratti tagħhom ma jiġġeddux, il-klabb jispiċċa jiffranka madwar €30 miljun! Fl-istaġun ta’ wara wkoll jiskadu kuntratti ta’ plejers bħal Chiellini, Ramsey, Rabiot u Alex Sandro. U nafu li fit-tieni grupp ta’ plejers imsemmija, jekk il-klabb jiddeċiedi li ma jġeddilhomx il-kuntratt, ifissru aktar flus frankati li kif imbagħad nisperaw, jiġu nvestiti f’suq ta’ trasferimenti għaqlin, kemm is-sajf li ġej kif ukoll ta’ wara. Bħalissa, ukoll hemm aspettattiva kbira ta’ kif se tiġi solvuta is-sitwazzjoni xejn faċli tal-kuntratt ta’ Dybala. Ovvjament, kif tkellimt f’artikli ta’ qabel, jien nispera li jkollna eżitu feliċi bil-plejer jorbot ruħu mal-flokk tal-Juventus u jmexxina lejn iktar suċċessi fis-snin li ġejjin.


Ngħaddu għall-fatti riċenti li forsi iktar jinteressaw lili u l-bosta partitarji li jsegwu din il-paġna tal-klabb. Qed naqra bi nsistenza li Allegri diġa’ qed jaħseb f’bidla ta’ formazzjoni għal 4-4-2 biex jisfrutta id-duo Chiesa-Dybala fl-attakk. Jien naħseb li dan jista jseħħ biss meta ikollu l-iskwadra sħiħa għad-dispożizzjoni wara l-waqfa tal-logħbiet tan-Nazzjonal. Għall-bidu għidt din tista tkun opzjoni eċċitanti imma meta toqgħod taħseb fuqha forsi tirrealiżża li tista ma tkunx daqshekk prattikabbli minħabba l-fatt li ż-żewġ plejers huma tnejn li huma attakanti ta’ moviment u bihom flimkien tkun qisek qed tilgħab b’false centreforward (dan sinċerament ma kienx ħsieb tiegħi imma ta’ ħabib li spiss jaqra l-artikli li nikteb u li meta qalli dan u meta ħsibt fuqha, rrealiżżajt li punt raġun jista jkollu). Ukoll nafu li l-logħba ta’ Allegri dejjem ibbażat ruħha fuq preżenza ta’ centreforward fiss. Minkejja dan, naħseb li Allegri diġa’ qed jistudja mossi tattiċi biex jagħmel tajjeb għan-nuqqas ta’ Ronaldo kif ukoll jivveloċiżża l-logħob offensiv, biex l-iskwadra tkun aktar effettiva quddiem il-lasta avversarja. Qrajt ukoll li Arthur viċin ħafna li jerġa jibda t-taħriġ, u bil-problemi li kellna f’nofs il-ground żgur u mhux forsi nagħtuh merħba lura biex naraw il-koppja Locatelli-Arthur tilgħab b’iktar regolarita’. Nemmen li bb’dawn iż-żewġ plejers fl-ewwel ħdax, ikollna aktar ekwilibriju kif ukoll aktar opzjonijiet fil-fażi offensiva fejn kif rajna kontra Empoli, kien ħjiel żgħir ta’ x’kontribut kapaċi jġib Locatell jekk jilgħab b’aktar frekwenza!

Insellmilkom,
Massimo