Posts

Analiżi wara l-ewwel 7 logħbiet fil-league u 2 fiċ-Champions League

Il-bieraħ għexna derby sabiħ, kombattut u rebbieħ. Kienet ir-raba’ rebħa konsekuttiva tal-iskwadra u ma nistawx ma nkunux kuntenti iktar issa li qed naraw ftit kontinwita’ bħala riżultati. Kif diġa tkellimna qabel, kien bidu tal-istaġun ftit għat-telgħa biss wara li bdew jiġu ftit riżultati posittivi nistgħu ngħidu li fl-ewwel logħob minħabba raġunijiet varji l-plejers tagħna ma nstabux lesti għall-istaġun – kien hemm il-partita ta’ Udine li li kieku ntlagħbet illum u b’vantaġġ doppju ta’ żewġ gowls żgur kienet tispiċċa bi 3 punti oħra gwadanjati. Ma nistgħux ninjoraw ix-xokk tremend li ħoloq it-trasferiment ta’ Ronaldo eżatt wara din il-partita. Kien hemm ukoll, il-partita ma’ Empoli fejn it-tim kien beda tajjeb ferm simili bħall-logħba tal-bierah fejn fl-ewwel 10 minuti stajna faċilment konna 2-0 wara kwarta logħob. Id-differenza bejn il-logħba kontra Empoli u tal-bieraħ hija il-konvinzjoni tal-plejers tagħna li jfittxu r-rebħa – ħaġa li kontra Empoli ma seħħietx għax l-iskwadra f’dak il-mument kienet svojtata mentalment. Kontra Napoli nistgħu ngħidu li t-tim żamm fil-logħba sa fejn seta’ u nafu x’diffikultajiet inżilna għall-logħba bihom, mingħajr xi 5 players titolari! Fl-ewwel partiti kellna l-problema ta’ Szczęsny li xejn ma kien sikur bejn il-lasti u ovvjament meta jkollok il-goaler insikur taffettwa il-kumplament tal-grupp tal-plejers ukoll.


Mal-Milan, għalkemm ir-riżultat sħiħ ma wasalx dakinhar, hemm speċjalment fl-ewwel half diġa kien beda jinxamm li qed issir l-iskossa deċisiva u forsi t-turning point bdiet hemm b’mod minimali iva imma bdiet turi. It-turning point li wasslet għal riżultat sħiħ kontra Spezia kienet l-iskossa mentali tal-iskwadra speċjalment meta t-tim safa minn taħt fit-2 taqsima u gwidat mill-feroċja ta’ Federico Chiesa, wasalna għal rebħa li bl-ammont ta’ tentattivi lejn il-lasta avversarja ma nistgħux ngħidu ma kienitx mistħoqqa. Naħseb hemm ġiet ix-xintilla mentali li wasslet imbagħad għal din il-kontinwita’ ta’ riżultati fejn wara, minkejja xi diffikultajiet waqt il-logħba stess, irbaħna ma’ Sampdoria. Diffikultajiet mill-injuries ta’ Dybala u Morata kif ukoll ftit distrazzjonijiet difensivi li joħolqu inċertezzi biex tassikura rebħa.

Naslu għal dawn l-aħħar żewġ logħbiet – waħda li mlietna b’kuraġġ meta irbaħna lic-Champions Ewropej renjanti Chelsea b’logħba milgħuba bi grinta, feroċja (speċjalment difensivament) u nistgħu ngħidu għalkemm mhux f’waqtiet kontinwi b’logħob u azzjonijiet ta’ attakk sbieħ. Il-goal ta’ Chiesa kontra Chelsea ġie minn azzjoni ferm sabiħa b’pass ġenjali ta’ Bernardeschi li llibera lil Chiesa biex jikkonkludi għalkemm Chiesa stess kellu mertu kbir għax l-anglu tax-xutt kien ftit magħluq. Wasalna għad-derby – logħba li kif kulħadd jaf, hija il-barra minn kull pronostiku u loġika – logħba li biex tirbaħħa trid titfa moħħok u speċjalment qalbek kollha hemm biex tassikura rebħa. Issa li l-moral tal-iskwadra tela’ b’mod konsiderevoli u anki nistgħu ngħidu l-logħob tjieb, ma nistgħux ma niftakrux fil-posittiv li qed nerġaw ikollna l-goals tal-midfielders speċjalment ta’ Manuel Locatelli u qed jaslu kif wasal tal-bieraħ minn xuttijiet minn barra il-kaxxa – karatteristika li taf tgħinna jekk niżviluppawha tajjeb u b’iktar kontinwita’ speċjalment f’sitwazzjoni fejn il-logħob ikun magħluq u xutt u gowl minn barra il-kaxxa jafu irebħulek logħba!


Nagħlaq billi nitkellem fuq ħaġa li qed naraha b’mod insistit u xejn ma’ togħġobni hi is-superfiċjalita’ ta’ ċertu passing li żgur Allegri diġa innota speċjalment f’dak li nsejhulu l’ ultimo passaggio – hemm spiss jingħata ħażin jew b’pass twil iżżejjed jew kif rajna f’azzjoni kontra Chelsea b’2vs1 situation pass ħażin oriżżontali li f’dak il-każ li kieku kien tajjeb kien iwassal il-Chiesa wiċċ imbwiċċ mal-goaler! Dan żgur inħoss li fit-taħriġ għandu jitjieb u naħseb li Allegri diġa qed jinsisti li jitjieb. Minn naħa l-oħra, fuq nota pożittiva erġajna akkwistajna solidita’ difensiva, kkonfermata anke wara żewġ ‘clean sheets’ konsekuttivi.


Nittama li ħloqtilkom ftit opportunita’ taħsbu inthom ukoll fuq l-ewwel parti tal-istaġun u nawguraw li wara il-waqfa minħabba l-logħob tan-Nazzjonal, inkomplu fejn ħallejna wara d-derby mirbuħ il-bieraħ.

Il-Ħadd it-tajjeb lil kulħadd.