Posts

Arthur lejn self ma’ Valencia

Hu probabbli ferm li Arthur iħalli lil Juventus biex jingħaqad b’self mat-tim ta’ Valencia. Gattuso jridu b’saħħa fit-tim tiegħu u qed jagħmel pressjoni mad-diriġenza tal-klabb Spanjol sabiex jiksbu lil Arthur. Il-Brażiljan, min-naħa tiegħu, mhux jopponi dat-trasferiment u l-klabbs qegħdin jitkellmu bejniethom biex isibu ftehim. Hemm qbil li Arthur jingħaqad ma’ Valencia b’self. Jidher li jonqos l-iktar dettall importanti li dwaru l-klabbs għadhom iridu jsibu qbil: kif se jaqsmu bejniethom il-ħlas tal-paga ta’ Arthur. Valencia qed jagħmluha ċara li ma jifilħux iħallsu l-paga li Arthur għandu ma’ Juventus u allura l-Bianconeri se jkollhom joħorġu d-differenza huma.

Matthew Scerri

Juventus iridu jbigħu qabel jixtru aktar plejers f’nofs il-grawnd

F’nofs il-grawnd Juventus mistennija jagħmlu minn tal-inqas akkwist ieħor. Qed jissemma b’saħħa Paredes fil-pożizzjoni ta’ playmaker. Qabel isir dan l-akkwist, Juventus iridu però qabelxejn ibigħu peress li bħalissa fit-tim Juventin hemm wisq plejers li jilagħbu f’nofs il-grawnd. L-uniċi ċerti li se jżommu posthom ma’ Juventus huma Pogba u Locatelli. McKennie, Zakaria u Rabiot, probabbli jibqgħu, għalkemm jekk tasal offerta tajba, Juventus lesti jbigħuhom. Ramsey u Arthur, mill-banda l-oħra, mhumiex parti mill-pjanijiet ta’ Juventus. Ramsey jinsab f’negozjati ma’ Juventus biex jittermina l-kuntratt tiegħu, filwaqt li hemm it-tama li Arthur jkun misluf (Arsenal). Imbagħad hemm it-tlieta żgħar – Rovella, Fagioli u Miretti – li s’issa mhux magħruf x’se jsir minnhom. Kollox jindika li wieħed mit-tlieta biss se jibqa’ ma’ Juventus, għalkemm il-preseason jaf jibdel il-pjanijiet ta’ Juventus. La darba Juventus ikunu neħħew plejer jew plejers fit-tim tagħhom, ikunu jistgħu jgħaddu għal aktar akkwisti.

Matthew Scerri

Zaniolo msemmi b’saħħa ma’ Juventus

Kulma jmur Nicolò Zaniolo qed jissemma dejjem iktar b’saħħa ma’ Juventus. Minn dak li qed jiġi rrapurtat, jidher li r-rieda ta’ Zaniolo hi li jitlaq lil Roma biex jingħaqad ma’ Roma. It-taħdidiet ma’ Roma għall-kuntratt il-ġdid tiegħu huma weqfin bil-partijiet mhux jirnexxilhom jiddjalogaw. Zaniolo jrid jitlaq. Roma jridu jżommuh biss fehmu li l-plejer għandu intenzjonijiet oħra u, bħal dejjem, klabb diffiċli jżomm plejer kontra r-rieda tiegħu. Bil-mod il-mod Juventus għaddejjin bil-ħidma tagħhom biex jiksbu s-servizzi ta’ Zaniolo. S’issa ma jirriżultax li kien hemm offerti uffiċjali min-naħa ta’ Juventus, għalkemm nafu fiċ-ċert li l-klabbs iltaqgħu u tkellmu b’mod informali dwar Zaniolo. L-għidut hu li Juventus lesti joffru tpartit ma’ Arthur jew inkellha jiksbu lil Zaniolo b’self bl-obbligu li jixtruh għal kollox is-sena d-dieħla.

Matthew Scerri

Imsemmi tibdil fin-nofs il-grawnd ta’ Juventus

F’nofs il-grawnd ta’ Juventus x’aktarx se jkun hemm xi bidliet fil-jiem li ġejjin. Hu fatt magħruf li l-aġent ta’ Arthur ilu miftiehem ma’ Arsenal. Fil-jiem li għaddew kellna l-aħbar li Aston Villa qed juru interess qawwi fl-akkwist ta’ Bentancur. Imbagħad hemm Ramsey li fi kliem Allegri stess se jkun qed jitlaq lil Juventus (anki jekk s’issa l-ftehim bejn il-partijiet biex jiġi tterminat il-kuntratt tal-plejer minn Wales għadu ma nstabx!). Intant fl-aħħar sigħat kellna l-aħbar li Juventus qed jaħdmu biex jiksbu b’self lil Nandez mingħand Cagliari. Fl-istess ħin, kien hemm anki aħbar li l-Bianconeri għamlu kuntatt ma’ Milan għal Kessie li għandu kuntratt li jiskadi f’Ġunju 2022. Kien hemm verità f’dan l-għidut kollu ma nafux. Biss wara dak kolli li nqala’ ma’ Vlahovic, żgur li kollox jista’ jiġri!

Matthew Scerri

Rovella ma’ Juventus jekk jitlaq Arthur jew Ramsey

L-aktar akkwist probabbli għal Juventus f’Jannar hu dak ta’ Nicolò Rovella. Il-midfielder Taljan hu diġà plejer ta’ Juventus imma baqa’ b’self ma’ Genoa għal sena u nofs. Is-self jasal fi tmiemu fis-sajf biss Juventus jidhru disposti li jikkuntattjaw lil Genoa sabiex Rovella jingħaqad mat-tim ta’ Allegri b’mod immedjat. Fil-fatt Juventus jistgħu jbigħu lil Ramsey u/jew Arthur u għaldaqstant jeħtieġu plejer f’nofs il-grawnd. Issemmew Zakaria u Bruno Guimaraes, iżda t-tnejn li huma diffiċli biex jinkisbu hekk kif hemm konkorrenza qawwija għal Zakaria filwaqt li O.Lyon qed jitolbu 50 miljun għal Guimaraes. It-trasferiment ta’ Rovella hu iktar fattibbli. F’dan l-istaġun hu kellu wirjiet tajba u Juventus jemmnu li hu matur biżżejjed biex jagħti sehmu fin-nofs il-grawnd tagħhom.

Matthew Scerri

Arsenal f’kuntatti kontinwi mal-aġent ta’ Arthur

Il-Brażiljan Arthur jista’ jħalli lil Juventus fis-sessjoni tax-xitwa tas-suq tat-trasferimenti. Fl-aħħar jiem kien hemm għidut li Arsenal iriduh b’saħħa u li għandhom ftehim mal-plejer. Hemm rapporti li llum l-aġent tiegħu, Federico Pastorello, kien Londra u kellu laqgħa ma’ uffiċċjali ta’ Arsenal x’aktarx sabiex ikomplu jiftehmu dwar l-istrateġija għat-trasferiment tiegħu. F’dan l-istadju jidher li Arsenal iriduh b’self. Min-naħa tagħhom nafu li Juventus ma tantx huma favur dat-tip ta’ ftehim peress li jridu jsibu sostitut għalih f’temp qasir mingħajr ma jkollhom garanzija li Arsenal se jixtru lil Arthur għal kollox fis-sajf. Mil-banda l-oħra ma rridux ninsew li Pastorello stqarr pubblikament li Arthur ħaqqu jilgħab iktar, ħaġa li bħalissa Juventus ma jistgħux jiggarantalu filwaqt li Arsenal lesti jagħtuh iktar logħob.

Matthew Scerri

Aktar inkwiet b’rabta mal-ikla fir-residenza ta’ McKennie

L-istorja tal-ikla fil-villa ta’ McKennie jaf tkun iktar serja milli kien maħsub għall-ewwel. La Stampa qed tirraporta li meta l-Carabinieri marru fil-villa ta’ McKennie għall-ħabta tal-11.30 ta’ billejl, ħadd ma ried jiftħilhom. Il-Carabinieri damu madwar siegħa barra mill-kanċell u mbagħad wara tħallew jidħlu. Jidher li McKennie jista’ issa jkun mixli li ma kkoperax u li rreżista għall-ordnijiet tal-Carabinieri. Jista’ jkun ukoll li anki l-mistednin l-oħra jkunu mixlija bl-istess mod.

Matthew Scerri

Min se jilgħab minflok Arthur kontra Crotone?

Arthur se jitlef Juventus-Crotone peress li għadu ma fieqx. F’nofs il-grawnd Pirlo għadu indeċiż dwar min se jilgħab minfloku. Fil-konferenza tal-aħbarijiet tal-lum, Pirlo stqarr li għadu jrid jiddeċiedi min se jmexxi n-nofs il-grawnd ta’ Juventus kontra Crotone. Hu semma tliet plejers: Ramsey, Bentancur u Fagioli. Dan tal-aħħar qed ikun imsemmi minn diversi siti bħala l-playmaker ta’ Juventus fil-partita kontra Crotone. Bentancur, fil-fatt, iddeluda kemm-il darba f’dik il-pożizzjoni, filwaqt li Ramsey jilgħab aħjar meta jkun aktar avvanzat. Fagioli, għaldaqstant, jista’ jkun jingħata ċ-ċans li jibda mill-ewwel minuta.

Matthew Scerri  

Injury għal Arthur. Se jitlef Napoli-Juventus

Arthur se jkollu jitlef anki Napoli-Juventus minħabba uġigħ f’saqajh. Illum sarulu xi testijiet u t-tobba fehmu x’inhi l-problema. Jidher li m’għandu xejn gravi tant li hemm xaqq ta’ tama li jilħaq jirkupra għall-partita taċ-Champions League kontra Porto.

Matthew Scerri

Arthur u Morata dubjużi għall-partita kontra Inter

Arthur u Morata jaf ikollhom jitilfu Juventus-Inter. Fil-fatt it-tnejn li huma għandhom sintomi ta’ gastrite u allura jaf mhux se jkunu mija fil-mija f’sikkithom għada. Skont Tuttosport l-indikazzjonijiet huma li Arthur u Morata m’għandhomx il-Covid-19 għalkemm ovvjament se jkun biss l-iswab test tal-lum li se jagħtina ċertezza dwar dan.

Matthew Scerri