Posts

Magħrufa d-dettalji tat-trasferimenti ta’ Kulusevski u Bentancur ma’ Tottenham

Tħabbru uffiċjalment id-dettalji tat-trasferimenti ta’ Kulusevski u Bentancur ma’ Tottenham. Juventus silfu lil Kulusevski lil Tottenham għal perjodu ta’ sena u nofs, liema self se jkun imħallas 10 miljuni. Tottenham għandhom id-dritt li jixtruh għal kollox fl-2023 għal 35 miljun Ewro. Id-dritt isir obbligu jekk Tottenham jilħqu ċerta miri sportivi fl-istaġun 2022/23.

It-trasferiment ta’ Bentancur ma’ Tottenham hu wieħed definittiv. Huma se jħallsu 19-il miljun Ewro għalih, flimkien ma’ 6 miljuni oħra f’bonuses.

Matthew Scerri

Tottenham kisbu lil Kulusevski u lil Bentancur mingħand Juventus

Tottenham laħqu ftehim ma’ Juventus biex jiksbu lil Dejan Kulusevski u lil Rodrigo Bentancur. L-iŻvediż se jkun qed jingħaqad b’self ma’ Tottenham għal sena u nofs (skont xi rapporti), liema self se jkun qed jitħallas 5 miljuni. Wara Tottenham se jkollhom id-dritt li jixtruh għal kollox għas-somma ta’ 55 miljun Ewro. Id-dritt isir obbligu jekk Tottenham jikkwalifikaw għaċ-Champions League u Kulusevski jilgħab minn tal-inqas 50% tal-partiti. Maċ-ċifri li semmejna rridu nżidu 5 miljuni oħra f’bonuses.

Bentancur, mill-banda l-oħra, ġie akkwistat għal kollox mingħand Tottenham għal 19-il miljun Ewro, flimkien ma’ 6 miljuni oħra f’bonuses. 35% tas-somma li Juventus se jdaħħlu minn fuq Bentancur se tmur għand Boca Juniors skont ma jistipula l-ftehim ta’ meta Juventus xtrawh mingħandhom.

Id-dettalji preċiżi tal-ftehim se jitħabbru għada meta l-aħbar tingħata b’mod uffiċjali mill-klabbs wara li jsiru t-testijiet mediċi.

Matthew Scerri

Tottenham iridu b’saħħa lil Bentancur u lil Kulusevski

It-tim ta’ Tottenham jinsabu f’kuntatti ma’ Juventus biex jiksbu lil Bentancur u lil Kulusevski. Paratici talabhom b’self it-tnejn li huma, filwaqt li Juventus qed jistennew minn tal-inqas li wieħed mill-plejers jiġi mixtri mentri l-ieħor ikun misluf. F’dan l-istadju kollox jindika li kemm Bentancur kif ukoll Kulusevski se jitilqu lil Juventus bejn illum u nhar it-Tnejn. Malli huma jiffirmaw għal tim ieħor, Juventus ikunu jistgħu jiffinalizzaw l-akkwist ta’ Zakaria.

Matthew Scerri

Imsemmi tibdil fin-nofs il-grawnd ta’ Juventus

F’nofs il-grawnd ta’ Juventus x’aktarx se jkun hemm xi bidliet fil-jiem li ġejjin. Hu fatt magħruf li l-aġent ta’ Arthur ilu miftiehem ma’ Arsenal. Fil-jiem li għaddew kellna l-aħbar li Aston Villa qed juru interess qawwi fl-akkwist ta’ Bentancur. Imbagħad hemm Ramsey li fi kliem Allegri stess se jkun qed jitlaq lil Juventus (anki jekk s’issa l-ftehim bejn il-partijiet biex jiġi tterminat il-kuntratt tal-plejer minn Wales għadu ma nstabx!). Intant fl-aħħar sigħat kellna l-aħbar li Juventus qed jaħdmu biex jiksbu b’self lil Nandez mingħand Cagliari. Fl-istess ħin, kien hemm anki aħbar li l-Bianconeri għamlu kuntatt ma’ Milan għal Kessie li għandu kuntratt li jiskadi f’Ġunju 2022. Kien hemm verità f’dan l-għidut kollu ma nafux. Biss wara dak kolli li nqala’ ma’ Vlahovic, żgur li kollox jista’ jiġri!

Matthew Scerri

Bentancur m’għandux il-Covid

Rodrigo Bentancur ittestja negattiv għaż-żewġ swab tests li sarulu lbieraħ u llum wara li rritorna mill-impenji mat-tim nazzjonali. Nafu li sieħbu tat-tim nazzjonali, Godin, instab pożittiv. Illum hu ttrenja apparti b’mod prekawzjonali sabiex tkun imħarsa saħħet il-plejers l-oħra. Għada se jsirlu swab test ieħor u jekk ir-riżultat jerġa’ jkun negattiv, allura hu jkun jista’ jilgħab kontra Cagliari.

Matthew Scerri