Posts

Zappa se jkun l-osservat speċjali tal-lejla

Ilejla Fabio Paratici u n-nies tiegħu se jkollhom l-opportunità li jsegwu mill-qrib lil Gabriele Zappa. Il-full-back ta’ Cagliari hu wieħed minn dawk il-plejers li Paratici ilu jżomm taħt osservazzjoni u hu probabbli li fil-mument opportun se jressq offerta għalih biex jixtrih għal Juventus.

Matthew Scerri

Juventus lesti jbigħu lil Ramsey u jiffirmaw lil Calhanoglu minfloku

Aaron Ramsey jista’ jitlaq lil Juventus f’każ li tasal offerta tajba fuq il-mejda ta’ Paratici. Skont Tuttosport hemm PSG u xi klabbs mill-Premier League Ingliża li qed juru interess fih. Jekk jitlaq Ramsey, postu ma’ Juventus ikun jista’ jieħdu Calhanoglu jekk verament ikun free-agent minn Frar li ġej.

Matthew Scerri

Ancelotti jwieġeb lil Khedira

Ancelotti kellu l-opportunità jitkellem dwar dak li stqarr Khedira ma’ Sky tal-Ġermanja fejn fost l-oħrajn esprima x-xewqa li jkun ittrenjat mill-ġdid minn Mourinho jew Ancelotti. Il-kowċ Taljan sostna li għandu tifkira tajba ħafna ta’ Khedira u li kieku tinqala’ l-opportunità lest jikkowċjah mill-ġdid. Dan però, iċċara, l ma jfissirx li Khedira se jingħaqad żgur ma’ Everton.

Matthew Scerri

Nuno Mendes jista’ jkun l-eredi ta’ Chiellini ma’ Juventus

Hekk kif Chiellini daħal fl-aħħar sena tal-karriera tiegħu, Juventus bdew ifittxu eredi għalih. A Bola qed tirraporta li Juventus huma interessati flimkien ma’ Arsenal, Manchester United, Wolves u Milan, fl-akkwist ta’ Nuno Mendes. Hu difensur ċentrali li jista’ jilgħab anki mal-linja xellugija, bħal Chiellini insomma. Sporting Lisbon qed jitolbu 70 miljun Ewro għalih.

Matthew Scerri

Khedira: “Minn dejjem xtaqt nilgħab fil-Premier League”

Intervistat minn Sky tal-Ġermanja, Sami Khedira stqarr li l-ħolma ta’ tfulitu kienet li jilgħab fil-Premier League peress li minn dejjem kien affaxxinat mill-kampjonat Ingliż. Hu ammetta li jekk tasallu offerta mingħand Mourinho jew Ancelotti hu ma jħossx li jkun jista’ jgħidilhom le.

Matthew Scerri

Khedira lest jitlaq lil Juventus

Sami Khedira Jidher li bidel fehmtu u ddeċieda issa li jitlaq lil Juventus f’Jannar. Khedira fehem li m’hemmx iktar spazju għalih ma’ Juventus u allura se jfittex tim ġdid.

Matthew Scerri

Juventus b’saħħa fuq Lovato

Kollox jindika li Fabio Paratici jinsab lest jagħmel kull tentattiv possibbli biex jikseb lil Matteo Lovato, id-difensur rivelazzjoni ta’ dis-sena. Fuqu hemm Milan li ilhom ftit interessati fih, biss Juventus tant baqgħu sorpriżi bil-wirjiet tiegħu li lesti joffru somma ġmiela għalih.

Matthew Scerri

Locatelli jista’ jkun l-akkwist il-ġdid ta’ Juventus

Pirlo jrid lil Manuel Locatelli ma’ Juventus. Hekk għallinqas qed ikun irrapurtat minn Calciomercato.com. Juventus jistgħu jiksbuh b’self f’Jannar bid-dritt li jixtruh għal kollox fl-istaġun ta’ wara. Il-Bianconeri lesti anki jħallsu somma flus biex jiksbu lil Locatelli b’self.

Matthew Scerri

Marchisio lil Pogba: “Ejja ma’ Juventus u tkun kuntent mill-ġdid”

“Jekk jogħġbok Paul Pogba ejja ma’ Juventus. Se tkun kuntent mill-ġdid … u jien ukoll.” Hekk kiteb Claudio Marchisio b’risposta għal Tweet ta’ Pogba. Il-Franċiż kien għadu kif stqarr ftit qabel li jinsab għaddej minn mument diffiċli fil-karriera tiegħu.

Pogba: “Mument diffiċli fil-karriera tiegħi”

F’kumment mogħti lil RTL, Paul Pogba ammetta li jinsab għaddej minn mument partikolari fil-karriera tiegħu u indirettament ikkonferma kleim Deschamps li hu ma jinsabx kuntent ma’ Manchester United. “It-tim nazzjonali jagħtini daqsxejn ta’ nifs. Qatt qabel ma għaddejt minn mument daqshekk diffiċli fil-karriera tiegħi,” qal Pogba. Għalkemm ma semmiex lil Manchester United, hu ovvju li r-riferiment hu proprju għar-Red Devils.

Matthew Scerri