Posts

Cherubini f’laqgħat mal-aġenti ta’ Koulibaly, Zaniolo u Morata

L-Erbgħa 6 ta’ Lulju 2022 kienet ġurnata ta’ ħidma intensiva għal Federico Cherubini. Hu kellu laqgħat ikkonfermati ma’ żewġ aġenti importanti: Fali Ramadani u Claudio Vigorelli. X’intqal f’dawn il-laqgħa mhux magħruf b’mod uffiċjali, ovvjament. Biss l-għidut hu li Cherubini tkellem ma’ Ramadani dwar Koulibaly u Milenkovic. Juventus qed joffru kuntratt ta’ 4 snin lil Koulibay b’paga ta’ bejn 6 u 6.5 miljun Ewro fis-sena. Il-Bianconeri beħsiebhom joffru 30 miljun lil Napoli, li min-naħa tagħhom qed jitolbu 40 miljun għalih.

Vigorelli, imbagħad, hu l-aġent fost l-oħrajn ta’ Morata, Zaniolo u Arnautovic. Fil-jiem li ġejjin jaf ikun hemm żviluppi interessantissimi fil-mercato Juventin. Cherubini u Arrivabene jidher tassew determinati li jagħtu tim ferm kompetittiv lil Allegri sa l-ewwel ġimgħa tal-preseason.

Matthew Scerri

Allegri f’laqgħa ma’ Cherubini

Illum waranofsinhar Massimiliano Allegri u l-istaff tiegħu kellhom l-ewwel laqgħa f’Turin flimkien ma’ Cherubin biex flimkien ifasslu l-istrateġiji Bianconeri fis-suq tat-trasferimenti. Ovvjament ilna ħafna nisimgħu xnigħat dwar liema plejers Allegri jrid li jibqgħu ma’ Juventus u lil min irid ibigħ. Issemmew anki diversi plejers li jistgħu jinxtraw minn Juventus. Kif għidna s’issa m’hemmx ċertezza dwar x’se jiġri. Minn issa ‘l quddiem, però, se jibda jkollna aħbarijiet aktar ċerti għax issa ninsabu fil-perjodu tas-sena meta l-klabbs ikunu verament qed jiffinalizzaw in-negozjati ma’ klabbs oħra.

Matthew Scerri

Juventus lura għall-mudell amministrattiv ta’ sentejn ilu

Skont La Gazzetta dello Sport Juventus se jkunu qed imorru lura għall-mudell amministrattiv li kellhom sa sentejn ilu. Fl-aħħar sentejn Paratici kien qed ikopri prattikament żewġ karigi. Nafu li qabel Paratici kien jaħdem flimkien ma’ Marotta, b’dan tal-aħħar responsabbli aktar mill-aspetti amministrattivi. Bit-tluq ta’ Paratici, Juventus se jerġgħu jaqsmu l-karigi: Carnevali jew Arrivabene se jkun iċ-CEO, filwaqt li Cherubini se jkun Direttur tal-Isport, megħjun minn Tognozzi u Manna. Id-Direttur tal-Area Business se jkun Bertola.

Matthew Scerri