Posts

Riskju ta’ tixrid tal-Covid-19 waqt laqgħa tal-Lega Calcio

La Repubblica żvelat li uffiċċjal għoli ta’ klabb tas-Serie A nstab pożittiv għall-Covid-19. S’issa mhuwiex magħruf min hu. Li hu ċert hu li dil-persuna ħadet sehem fil-laqgħa tal-Lega Calcio u jingħad li għal xi ħin ma kinitx liebsa l-maskra. Fi kliem ieħor hemm riskju kbir li hu għadda l-virus lil ħaddieħor. Intant La Repubblica qed tikteb li kulmin attenda għal-laqgħa tal-bieraħ, ġie infurmat bis-sitwazzjoni u mogħti l-parir jagħmel it-test.

Matthew Scerri

L-iStadiums Taljani magħluqa għas-supporters sa tmiem Settembru!

Il-Gvern Taljan mistenni joħroġ Avviż Legali ieħor. Fih se jkun hemm miktub li l-istadiums Taljani jridu jibqgħu magħluqin għas-supporters minn tal-inqas sal-aħħar ta’ Settembru. Bħalissa l-prijorità tal-Gvern Taljan hi li jinfetħu l-iskejjel u allura jrid isegwi mill-qrib x’varjazzjonijiet se jkun hemm fin-numru tal-persuni infettati wara li l-iskejjel jiftħu l-bibien tagħhom. Jekk kollox imur sew wara l-ftuħ tal-iskejjel, hu probabbli l-Gvern jibda jikkunsidra l-mod kif l-istadiums jiftħu l-bibien tagħhom għas-supporters.  

Matthew Scerri

Il-Kumitat Tekniku-Xjentifiku x’aktarx mhux se jawtorizza għalissa li s-supporters jidħlu mill-ġdid fl-istadiums

L-isforz ta’ Juventus biex l-Allianz Stadium jerġa’ jiftaħ il-bibien tiegħu għas-supporters jidher li mhux se jħalli l-frott mixtieq. Il-Kumitat Tekniku-Xjentifiku x’aktarx mhux se japprova d-dokument proposta minn Juventus. F’intervista mogħrija lil Corriere della Sera, il-President tal-Istituto Superiore di Sanità, Dr. Maurizio Brusaferro sostna li l-fehma hi li bħalissa m’hemmx il-kundizzjonijiet biex jiġu organizzati eventi bil-preżenza tan-nies. Jidher li bħalissa l-prijorità, kif inhu xieraq, qed tingħata lill-ftuħ tal-iskejjel u allura l-awtoritajiet ma jridux jgħaġġlu wisq bir-riskju li jista’ jkun tifrix ikbar tal-virus.

Matthew Scerri

Il-Prim Ministru Taljan kontra li s-supporters jidħlu fl-istadiums

Il-Prim Ministru Taljan, Giuseppe Conte kien mistieden tal-festa tal-gazzetta Il Fatto Quotidiano. Hu esprima l-opinjoni personali tiegħu li mhuwiex opportun li l-istadiums jibdew jilqgħu lura s-supporters. Dan l-għaliex hu inevitabbli li fl-istadiums jinġemgħu n-nies biex jidħlu u joħorġu, kif ukoll hu diffiċli li tikkontrolla lin-nies waqt li jkunu ġo l-istadium innifsu.

Matthew Scerri

Pjan biex is-supporters ikunu jistgħu jidħlu fl-Allianz Stadium għal Juventus-Sampdoria

Il-Gvernatur tar-reġjun tal-Piemonte, Alberto Cirio żvela llum li hemm pjanijiet biex l-Allianz Stadium jiftaħ mill-ġdid il-bibien tiegħu għas-supporters sa mill-ewwel partita tal-kampjonat kontra Sampdoria. Juventus ħejjew protokoll u issa l-Gvernatur tar-reġjun bagħat id-dokument Roma sabiex ikun mifli u eventwalment approvat mill-Kumitat Tekniku-Xjentifiku.

Matthew Scerri