Posts

Tħassib għal Szczesny

F’dawn is-sigħat hemm tħassib kbir għall-fatt li fi ħdan it-tim nazzjonali Pollakk instabu erba’ plejers pożittivi għall-Covid-19. Il-plejers li ħadu l-virus huma: Krychowiak, Piątkowski, Skorupski u Klich. Juventus qed jittamaw li Szczesny ma jiħux il-virus. Tajjeb infakkru li għad-Derby ta’ nhar is-Sibt hemm diġà nieqes Buffon għax sospiż.

Matthew Scerri

Inter-Sassuolo mhux se tintlagħab fuq ordni tal-awtoritajiet tas-saħħa

Inter-Sassuolo mhux se tintlagħab. Fil-fatt l-awtoritajiet tas-saħħa tal-belt ta’ Milan ordnaw kwarantina lit-tim kollu ta’ Inter wara li nstabu erba’ plejers pożittivi għall-Covid-19 (D’Ambrosio, Handanovic, De Vrij u Vecino). Skont l-ordni tal-ATS ta’ Milan, Inter iridu jwaqqfu kull attività sportiva sal-Ħadd 21 ta’ Marzu; ma jistgħux jilagħbu kontra Sassuolo nhar is-Sibt 20 ta’ Marzu; u l-plejers tagħhom ma jistgħux jingħaqdu mat-timijiet nazzjonali.

Matthew Scerri

Erġajna bis-soltu teatrin!

L-istorja ta’ Juventus-Napoli tal-4 ta’ Ottubru li għadda se tirrepeti ruħha llum. Fis-6.30 p.m. hemm Lazio-Torino biss it-tim ta’ Torino mhux se jinżel għal-logħob minħabba li l-ASL ordnatilhom jibqgħu Turin hekk kif hemm diversi każijiet ta’ Covid-19 fi ħdan it-tim. Ilbieraħ deher li l-partita se tiġi posposta biss fuq pressjoni ta’ xi Presidenti tal-klabbs tas-Serie A l-Lega Calcio kellha tieħu d-deċiżjoni li l-partita għandha tintlagħab xorta waħda. Dan ifisser li Lazio se jingħataw rebħa walk-over u mbagħad Torino se jappellaw u se jirbħu l-Appell eżatt kif għamlu Napoli. Il-futbol Taljan il-veru ma jieqafx jaqa’ għaċ-ċajt iktar minn hekk! La hemm periklu ta’ saħħa l-partita kellha tiġi posposta u ladarba diġà rajna t-teatrin ta’ Juventus-Napoli, il-veru ma nistgħux nifhmu x’sens fiha din id-deċiżjoni tal-Lega Calcio li ma jipposponix il-partita!!

Matthew Scerri

Tnejn ta’ Napoli pożittivi għall-Covid-19

Hemm drabi meta d-destin jaf ikun tassew kattiv. Ninsabu ġimgħa ‘l bogħod minn Napoli-Juventus u sirna nafu li Koulibaly u Ghoulam ta’ Napoli huma pożittivi għall-Covid-19. F’dan l-istaġun kull darba li Napoli kellhom jilagħbu kontra Juventus spiċċaw b’xi plejers neqsin minħabba l-Covid. Kulħadd jaf sew x’ġara fl-4 ta’ Ottubru li għadda. Nittamaw li did-darba Napoli-Juventus tintlagħab u li ma jerġax ikollna xi teatrin ieħor!

Matthew Scerri

Telf ta’ 2 biljuni għall-klabbs tal-futbol

Ġiet ippubblikat id-“Deloitte Football Money League”, ir-rapport ta’ analiżi finanzjarja tal-klabbs tal-futbol. Il-klabb li kellu l-akbar dħul fl-2019/20 kien dak ta’ Barcellona: 715 miljun Ewro. Juventus jinsabu fl-10 post tal-klassifika tad-dħul tal-klabbs b’somma ta’ 397.9 miljun Ewro. B’mod ġenerali l-klabbs kollha kellhom tnaqqis drastiku fid-dħul tagħhom, prinċipalment minħabba li naqsu t-tv rights u fl-istess ħin kellhom jgħaddu għal bosta xhur mingħajr gate money tal-grawnd. Deloitte stmat li t-telf mid-dħul għall-aqwa għoxrin klabb tal-Ewropa kien jammonta għal 1.1 biljun Ewro. Hu stmat li jekk wieħed jikkalkula anki dawn ix-xhur li ninsabu fihom, it-telf għall-klabbs se jaqbeż iż-żewġ biljun Ewro. Dan kollu f’xenarju tassew inċert fejn ħadd m’għandu idea meta l-affarijiet se jmorru lura għan-normal.

Matthew Scerri

Cuadrado fieq!

Juan Cuadrado fieq mill-Covid-19. Hu ttestja negattiv f’żewġ swab tests li sarulu. Il-Kolombjan ingħaqad mal-bqija tat-tim Juventin għall-partita tal-lejla kontra Napoli.

Matthew Scerri

Tnejn ta’ Milan ukoll bil-Covid-19

Ante Rebic u Rade Krunic se jkollhom jitilfu l-partita tal-lejla kontra Juventus. Fil-fatt iż-żewġ plejers ta’ Milan ittestjaw pożittivi għall-Covid-19.

Matthew Scerri

Xnigħat li hemm iktar plejers Juventini pożittivi. S’issa ebda konferma!

La Gazzetta dello Sport qed tirraporta dalgħodu li tard ilbieraħ filgħaxija, wara li bdew jiġu pproċessati l-iswab tests tal-plejers Bianconeri, kien hemm l-għidut li xi plejer jew plejers oħra nstabu pożittivi għall-Covid-19. L-aħbar, madankollu, ma sabet ebda konferma mal-lejl minn sorsi qrib Juventus FC. Ir-riżultati uffiċjali se jitħabbru xi ħin dalgħodu.

Matthew Scerri

Alex Sandro pożittiv għall-Covid-19

Alex Sandro nstab pożittiv għall-Covid-19. Hu għandu sintomi ħfief u jinsab f’iżolament. Il-bqija tat-tim Juventin qed isegwi d-dispożizzjonijiet tal-protokoll tal-FIGC biex ikun jista’ jkompli jittrenja u jilgħab.

Matthew Scerri

Dal Pino: “Is-supporters li jkunu ħadu l-vaċċin għandhom jitħallew jidħlu fl-istadiums”

Il-President tal-Lega Calcio tas-Serie A, Paolo Dal Pino tkellem ma’ Radio Rai dwar il-pjanijiet biex l-istadiums Taljani jiftħu mill-ġdid il-bibien għas-supporters. Skont Dal Pino s-supporters li jkunu ħadu l-vaċċin għandhom jitħallew jidħlu fl-istadiums. Hu qal li l-Lega ressqet dokument ta’ 300 paġna biex is-supporters jitħallew jidħlu fl-istadiums sa massimu ta’ 20-30 % tas-seating capacaity tagħhom. S’issa, però, il-Gvern, għadu ma tax risposta.

Matthew Scerri