Posts

Intlagħbet l-ewwel partita bin-nies fl-Italja

Ilbieraħ intlagħbet l-ewwel partita fl-Italja bin-nies wara l-lockdown u l-bidu tal-imxija tal-Covid-19. L-iStadio Tardini ta’ Parma fetaħ il-bibien għas-supporters biex ikunu jistgħu jassistu għall-partita ta’ ħbiberija bejn Parma u Empoli. Attendiet 1000 persuni. Inżammu l-miżuri tas-soltu: ittieħdet it-temperatura tas-supporters qabel daħlu fl-istadium; kulħadd kellu jilbes il-maskra; tneħħew it-tornelli jiġifieri l-istrutturi tal-ħadid li minnhom jgħaddu normalment is-supporters biex jidħlu fil-grawnd; kif ukoll kulħadd kellu jibqa’ bilqiegħda mingħajr ma jqum minn postu. Jidher li l-esperiment irnexxa, għalkemm ta’ min jgħid li l-ultras Boys Parma 1977 iddeċidew li ma jmorrux għall-partita peress li ma jaqblux ma dal-mod kif is-supporters qed ikollhom joqogħdu fil-grawnd.

Matthew Scerri

Il-Kumitat Tekniku-Xjentifiku x’aktarx mhux se jawtorizza għalissa li s-supporters jidħlu mill-ġdid fl-istadiums

L-isforz ta’ Juventus biex l-Allianz Stadium jerġa’ jiftaħ il-bibien tiegħu għas-supporters jidher li mhux se jħalli l-frott mixtieq. Il-Kumitat Tekniku-Xjentifiku x’aktarx mhux se japprova d-dokument proposta minn Juventus. F’intervista mogħrija lil Corriere della Sera, il-President tal-Istituto Superiore di Sanità, Dr. Maurizio Brusaferro sostna li l-fehma hi li bħalissa m’hemmx il-kundizzjonijiet biex jiġu organizzati eventi bil-preżenza tan-nies. Jidher li bħalissa l-prijorità, kif inhu xieraq, qed tingħata lill-ftuħ tal-iskejjel u allura l-awtoritajiet ma jridux jgħaġġlu wisq bir-riskju li jista’ jkun tifrix ikbar tal-virus.

Matthew Scerri

Il-Prim Ministru Taljan kontra li s-supporters jidħlu fl-istadiums

Il-Prim Ministru Taljan, Giuseppe Conte kien mistieden tal-festa tal-gazzetta Il Fatto Quotidiano. Hu esprima l-opinjoni personali tiegħu li mhuwiex opportun li l-istadiums jibdew jilqgħu lura s-supporters. Dan l-għaliex hu inevitabbli li fl-istadiums jinġemgħu n-nies biex jidħlu u joħorġu, kif ukoll hu diffiċli li tikkontrolla lin-nies waqt li jkunu ġo l-istadium innifsu.

Matthew Scerri

Pjan biex is-supporters ikunu jistgħu jidħlu fl-Allianz Stadium għal Juventus-Sampdoria

Il-Gvernatur tar-reġjun tal-Piemonte, Alberto Cirio żvela llum li hemm pjanijiet biex l-Allianz Stadium jiftaħ mill-ġdid il-bibien tiegħu għas-supporters sa mill-ewwel partita tal-kampjonat kontra Sampdoria. Juventus ħejjew protokoll u issa l-Gvernatur tar-reġjun bagħat id-dokument Roma sabiex ikun mifli u eventwalment approvat mill-Kumitat Tekniku-Xjentifiku.

Matthew Scerri