Posts

Atalanta mistennija jixtru lil Demiral

Merih Demiral wisq probabbli mhux se jkun qed jirritorna ma’ Juventus das-sajf. Wara l-aħħar partita ta’ Atalanta, Demiral kiteb fuq is-social media messaġġ li bih sellem lis-supporters tat-tim tiegħu. Ħafna ħasbu li dan kien ifisser li Atalanta ma kinux se jixtru lil Demiral għal kollox u kienu se jibagħtuh lura ma’ Juventus. Madankollu jidher li dan mhuwiex il-każ. Fil-fatt kollox jindika li Atalanta se jixtru għal kollox mingħand Juventus biex imbagħad ibigħuh mill-ewwel das-sajf stess lil xi tim ieħor.

Matthew Scerri

L-attenzjoni ddur fuq is-suq tat-trasferimenti. Mistennija bidliet radikali fi ħdan it-tim Juventin

Hekk kif il-kampjonat u l-istaġun waslu fi tmiemhom, l-attenzjoni se ddur għal kollox fuq is-suq tat-trasferimenti. Juventus jidhru li qed jaħdmu bla waqfien biex ikun hemm bidla radikali fi ħdan it-tim. Diversi plejers mistennija jitilqu lil Juventus u minflokhom se jinkisbu plejers oħra. It-tir hu li Allegri jkollu tim iktar kompetittiv b’taħlita ta’ plejers maturi u ta’ esperjenza, flimkien ma’ talenti żgħażagħ.

S’issa nafu li Chiellini għażel li ma jkomplix jilgħab għal Juventus. Dybala u Bernardeschi se jitilqu b’għażla ta’ Juventus li ma ġeddewlhomx il-kuntratti tagħhom. Apparti dawn l-aħbarijiet uffiċjali, smajna ħafna għidut li Juventus ma jridux iżommu iktar lil Kean, Arthur, Alex Sandro, Rugani u Ramsey. Mhux faċli, però, li ssib tim lest joħodhom minħabba l-pagi tagħhom u anki għall-fatt li ġejjin minn wirjiet ferm deludenti. Morata, mill-banda l-oħra, hu plejer li Allegri jixtieq iżomm imma Juventus ma jridux iħallsu l-35 miljun Ewro li skont il-ftehim ta’ sentejn ilu l-Bianconeri għandhom iħallsu biex jixtru lill-iSpanjol għal kollox. L-indikazzjonijiet huma li Juventus se joffru 15-il miljun Ewro lil Atletico Madrid għal Morata, biss l-Ispanjoli għalissa ma jidhrux disposti jinżlu inqas minn 25 miljun.

Mhux ċert il-futur ta’ Rabiot, Pellegrini u McKennie. It-tlieta li huma jistgħu jibqgħu ma’ Juventus anki s-sena d-dieħla, biss jekk tasal offerta tajba għalihom, Juventus x’aktarx ikunu lesti li jbigħuhom. Mhux magħruf anki x’se tkun l-istrateġija ta’ Juventus dwar Rovella, Miretti, Fagioli u Ranocchia. Diffiċli li jibqgħu kollha ma’ Juventus, imma mhux eskluż li xi ħadd minnhom jingħata l-opportunità li jkun parti mit-tim ta’ Allegri.

Niġu issa għall-akkwisti l-ġodda. Qed jissemmew b’saħħa tliet plejers li għandhom il-kuntratt li se jiskadi ftit tal-ġimgħat oħra mat-timijiet rispettivi: Di Maria, Pogba u Perisic. Skont il-gazzetti u l-websites tal-futbol, Di Maria u Pogba diġà aċċettaw l-offerta li saritilhom minn Juventus. S’issa, però, m’hemm ebda firma fuq xi kuntratt u allura mhux eskluż li jista’ jkun hemm xi u-turn mill-plejers inkwistjoni. Perisic ukoll jidher qrib li jingħaqad ma’ Juventus, għalkemm il-partijiet għadhom jiddiskutu d-dettalji tal-ftehim. Fid-difiża qed jissemma bdil bejn Acerbi u Rugani. Barra minn hekk Atalanta x’aktarx mhux se jixtru għal kollox lil Demiral u allura probabbli li Juventus se jkunu jistgħu jżommu flimkien ma’ Gatti li nxtara f’Jannar.

Matthew Scerri

Uffiċjali: Demiral misluf lil Atalanta

Tħabbar b’mod uffiċjali li Juventus silfu lil Merih Demiral lit-tim ta’ Atalanta. Il-filmat t’hawn taħt hu tislima min-naħa ta’ Juventus lil Demiral.

Everton b’offerta għal Demiral

Merih Demiral mistenni jkollu diversi offerti das-sajf minn klabbs oħra. Il Corriere di Torino qed jirraporta li Everton bdew jikkunsidraw li jressqu offerta ta’ bejn 25-30 miljun Ewro għalih. Juventus, f’dan l-istadju, jidhru li ma jridux ibigħuh. Madankollu mhux eskluż li minħabba l-qagħda tal-finanzjarja tal-klabb, Juventus jaf ikunu kostretti jbigħu lil Demiral jekk taslilhom offerta tajba.

Matthew Scerri

Demiral fieq!

Merih Demiral fieq mil-Covid-19. Dan tħabbar direttament minn Juventus permezz ta’ stqarrija. Kif jitlob il-protokoll, illum sarulu żewġ testijiet u t-tnejn li huma taw riżultat negattiv. Għaldaqstant għada jista’ jilgħab.

Matthew Scerri

Demiral ilu ġimgħa pożittiv!

Tuttosport qed tirraporta li Merih Demiral bħalissa jinsab f’kwarantina f’lukanda f’Istanbul. Jidher li hu ilu ttestja pożittiv għal Covid-19 ġimgħa ilu tant li nhar il-Ħamis li għadda hu ma lagħabx kontra l-Olanda proprju minħabba l-virus. Wieħed irid jara issa jekk Juventus humiex se jħalluh it-Turkija jew inkella huwiex se jorganizzaw titjira privata simili għal dik ta’ Ronaldo ftit tax-xhur ilu biex jinġieb Turin.

Matthew Scerri

Rapporti li Demiral hu pożittiv għall-Covid-19

Sal-mument li fih qegħdin niktbu għad m’hemm l-ebda konferma min-naħa ta’ Juventus. Madankollu diversi sorsi qed jirrapurtaw li Merih Derimal ittestja pożittiv għall-Covid-19. Hu għaldaqstant se jitlef żgur il-partiti fl-għaxart ijiem li jmiss kontra Torino, Napoli u Genoa.

Matthew Scerri

Demiral barra għal tliet ġimgħat

Demiral sofra injury muskolari ieħor u se jkollu jibqa’ barra mill-azzjoni madwar tliet ġimgħat. L-entità tal-injury mhix waħda gravi, biss jeħtieġ il-mistrieħ u mhux se nkunu nistgħu narawh fl-azzjoni qabel 20 jum ieħor.

Matthew Scerri

Chiellini u Demiral lura għat-training sħiħ ma’ sħabhom

Illum Juventus reġgħu bdew training wara ftit jiem vaganzi tal-Milied. Chiellini u Demiral irnexxilhom jittrenjaw mal-bqija ta’ sħabhom u allura Pirlo se jkollu lil kulħadd għad-dispożizzjoni tiegħu nhar il-Ħadd. L-uniċi plejers neqsin illum fil-Continassa kienu Rabiot u Ronaldo li se jibdew training għada bi qbil mal-klabb.

Matthew Scerri

Pożizzjoni ġdida għal Demiral illejla

Illejla Mehdi Demiral se jkun qed jilgħab f’pożizzjoni ġdida għalih. Hu se jkun qed jilgħab mal-linja leminija bħala full-back. Fiċ-ċentru tad-difiża se jkun hemm il-koppja Bonucci-De Ligt, filwaqt li Alex Sandro se jilgħab mal-linja xellugija. B’Demiral full-back, Pirlo se jkun jista’ jserraħ lil Danilo u lil Cuadrado.

Matthew Scerri